Lokali Unjoni Ewropea

Casa jilqa’ l-proposta Ewropea ġdida dwar l-libertà tal-midja

L-MEP u Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja David Casa laqa’ l-proposta Ewropea ġdida dwar l-libertà tal-istampa, inizjattiva leġiżlattiva mill-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li ttejjeb il-pluraliżmu tal-midja madwar l-Unjoni Ewropea.

Din il-proposta tnediet f’għeluq id-59 xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Casa qal li l-Media Working Group kien ilu ħafna jappella għall-ħarsien ikbar tal-midja. Hu qal li l-proposta kienet żvilupp milqugħ tajjeb ħafna fil-kampanja tiegħu għall-protezzjoni ġurnalistika.

Casa spjega li iktar ma jgħaddi żmien l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja qed jiffaċċjaw dejjem aktar theddid, li jirrikjedu aktar protezzjoni kontra l-pressjoni ekonomika u statali. Il-proposta tinkludi liġijiet biex jiffaċilitaw servizzi tal-midja ta’ kwalità u biex jiġi żgurat li r-riżorsi ekonomiċi jkunu mqassma b’mod ġust, mingħajr interferenza mhux xierqa tal-gvern.

“Il-pandemija mbuttat lill-midja stampata qrib ix-xifer,” spjega Casa. “F’Malta u f’ħafna stati oħra tal-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet iffinanzjaw pakketti ta’ għajnuna għall-kumpaniji tal-midja iżda mhux dejjem għamlu dan b’mod trasparenti.”

Hekk kif ħerġin mill-pandemija, l-intervent tal-istat għadu preżenti fid-dħul mir-reklamar iġġenerat mill-flus tat-taxxi tal-poplu. Casa ddeskriva l-agħar xenarju fejn il-midja favur il-gvern tista’ tingħata trattament finanzjarju preferenzjali mill-flus tat-taxxi tal-poplu.

“Irridu nevitaw sitwazzjoni fejn id-deċiżjonijiet editorjali jistgħu jiġu influwenzati mill-flus li għandu kontroll fuqhom il-gvern.”

Casa appella għal aktar trasparenza fil-mod kif jintużaw it-taxxi tal-poplu biex jiffinanzjaw is-servizzi tal-midja, u żied li “l-intervent tal-gvern jista’ jkun inġust bejn il-kmamar tal-aħbarijiet, u għalhekk jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni, jgħawweġ is-suq u l-flussi tal-informazzjoni.”

Casa lmenta dwar l-riżultati aktar ħżiena ta’ Malta fl-indiċi tal-libertà tal-istampa, filwaqt li nnota li ċ-Ċentru għall-Pluraliżmu tal-Midja u l-Libertà tal-Midja (CMPF) ikklassifika lil Malta f’riskju medju b’mod ġenerali, u f’riskju għoli fl-oqsma tal-awtonomija editorjali u l-indipendenza politika tal-midja.

“Il-proposta hija waħda f’waqtha, u nirringrazzja lill-Viċi President tal-Kummissjoni Věra Jourová għax-xogħol bla heda tagħha f’dan il-qasam.

“F’għeluq id-59 xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, niftakru wkoll fil-ħidma li għad trid issir. Mhux biss biex insaħħu d-demokraziji tagħna, iżda biex nagħmlu x-xogħol tal-ġurnalisti aktar sigur, fl-interess pubbliku.”

Casa wiegħed li ser jaħdem biex tkompli tissaħħaħ din il-proposta fil-kumitat parlamentari Ewropew.

NB: Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja tal-Parlament Ewropew jaħdem fuq kampanja kontinwa għal aktar protezzjoni tal-midja.