Raġel ta’ 43 sena residenti Ħal Qormi ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li ammetta li f’April li għadda seraq ġiżirina li tiswa’ elf ewro minn fuq anzjana ta’ 82 sena. Is-serqa saret għall-ħabta tas-1.30pm meta l-anzjana kien miexja bil-bastun f’ida minn Triq Cordina Perez, fil-Ħamrun u qaċċatilha minn ma’ għonqa.
Tony Zammit, li qal għandu problema ta’ droga ammetta l-akkużi kollha miġjubiun kontrih fosthom li sar reċediv u li kiser diversi ordnijiet tall-Qorti. Waqt il-kumpilazzjoni ħareġ li l-ġiżirana għandha valur sentimentali billi din kienet mogħtija lill-anzjana bħala rigal minn żewġha, llum mejjet. Sfortunatament il-ġiżirana qatt ma nstabet fil-pusses ta’ Zammit.
Hekk kif ammetta, l-Qorti wissietu bil-konsegwenzi serji tal-ammissjoni tiegħu u li l-piena massima tlaħħaq it-12il sena habs. Il-Qorti u ssospendiet is-seduta sabiex Zammit jikkonsulta mal-avukat difensur tiegħu biex tara jekk iridx jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu. Meta reġgħet issejhet il-kawża il-Qorti staqsiet lill-imputat jekk kellux ħin biżżejjed sabiex jikkonsulta mal-avukat tiegħu u hu wieġeb fl-affermattiv.
Huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu u wara semgħet ix-xhieda u rat il-pre-sentencing report tal-Uffiċjal tal-Probation Anabel Bugeja u semghet it-trattazzjoni tal-partijiet dwar il-piena., l-istess Qorti kkunsidrat li l-imputat irreġistra ammissjoni fi stadju bikri.
Qieset ukoll il-kondotta tiegħu li hija wahda kkulurita u fiha 21 faċċata. Apparti żewġ kundanni għal pussess sempliċi ta’ droga, kundanna għal traffikar tad-droga, ksur tal-liġijiet ta’ sewqan, u tal-liġi dwar il-VAT, il-kumplament tal-kundanni huma kollha ta’ sensiela ta’ serq ikkwalifikat, li l-ewwel kien predominatament ta’ karozzi jew minn karozzi, u eventwalment nbiddel ghal serq ta’ deheb minn fuq persuni, hafna drabi irid jingħad mingħajr ma jweġġaħhom.
Zammit jattribwixxi t-tort għal ħajja kriminali li qabad għal fatt li ta’ 10 snin il-familja tiegħu ġew joqgħodu lura Malta mill-Awstralja, u hu ma kienx jaf jitkellem bil-Malti, u ma integrax fis-sistema edukattiva. Pero mir-rapport tal-Ufficjal tal-Probation jirriħulta li l-imputat għandu ħames hutu, ‘presso o poco’ sena jew tnejn bejniethom differenza fl-età.
Ghalkemm il-Qorti m’għandhix dubju li anke ħutu sofrew din it-trawma f’ħajjtihom, ħadd minnhom ma jidher li qabad it-triq tal-kriminalità. L-imputat qal li hu qabad il-vizzju tad-droga, l-ewwel darba li daħal il-ħabs minn ġewwa l-ħabs stess.
Diversi opportunitajiet li ma sfruttax
“Anke jekk ghall-grazzja tal-argument dan hu veru – li allura jkun jfisser li l-istituzzjoni tal-ħabs falliet fil-każ tiegħu – mill-fedina penali jirriżulta li tul is-snin dawn il-Qrati tawh diversi opportunitajiet sabiex jirriforma ruħu. Fil-fatt huwa ingħata sentenza sospiża u xejn inqas minn sitt ordnijiet ta’ probation. Pero għalkemm l-imputat għmel xi attentati biex jirrabilita ruħu, finalment, għal raġuni jew oħra, baqa’ jippersisti li jkompli fit-triq tal-kriminalità li qabad.
Il-vittma f’dan il-każ hija anzjana ta’ 82 sena, li mill-istills tas-CCTV ‘footages’ eżebiti tidher li timxi bil-bastun. L-imputat ġera ghal fuqha u qaċċat il-giżirana li kienet liebsa ma għonqha, u telaq jiġri. Huwa ovvju li dan is-serq seta’ kellu konsegwenzi ħafna iktar serji għall-vittma, anzjana fraġili.
Mir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation jirriżulta li għalkemm l-imputat ma jsib l-ebda problema jiskuża ruħu mal-vittma, huwa irrifjuta jagħtiha kumpens lura. Min-naħa l-oħra il-giżirana misruqa li kienet tiswa madwar €1,000.00, kellha valur sentimentali għall-vittma, peress li kienet rigal mingħand zewgha li llum il-ġurnata huwa mejjet.
Fil-fatt iktar milli kumpens monitarju jew li l-imputat jintbagħat il-ħabs, hija qalet lill-Uffiċjal tal-Probation li xtaqet biss tingħata lura l-gizirana innifisha – ħaġa li mhux possibli peress li l-ġiżirana ma nstabitx fil-pusses tal-imputat. L-Uffiċjal tal-Probation ikkonkludiet ir-rapport tagħha hekk:
“Anthony Zammit ammeta l-każ iżda jiġġustifka l-aġir tiegħu minħabba l-vizzju tad-droga. Jidher li dan il-vizzju huwa d-diffikultà prinċipali li jżomm lill-imsemmi milli jadotta ħajja aktar ekwa barra fis-soċjetà u ma jkomplix bil- każijiet kriminali.
“L-informazzjoni miġbura turi li minkejja n-numri ta’ tentattivi sabiex jindirizza l-problema tad-droga, huwa diffiżli għal Zammit sabiex jagħmel dan barra fis-soċjetà. Għaldaqstant, dan għandu jsir b’mod tassattiv u f’ambjent ikkontrollat”.
Rakkomandazzjoni
Fid-dawl tal-informazzjoni kollha migbura speċjalment meta wieħed iqis il-gravità tal-każ,, jinħass il-bżonn li l-piena tkun waħda karċerarja. Ghaldaqstant, qed jiġi rakkomandat li Anthony Zammit jingħata sentenza ta’ ħabs effettiva. Din is-sentenza għandha teċċedi l-perjodu ta’ sentejn, anke meta jitnaqqas il-perjodu miżmum taħt arrest u sabiex l-imputat ikun eleġibbli sabiex isegwi programm ta’ riabilitazzjoni fi ħdan Agenzija għas-Servizzi Korrettivi.
”B’leata fit-trattazzjoni orali, id-difiża ma ikkontestatx il-fatt li piena karċerarja tagħmel ġid lill-imputat għax permezz taghha huwa forsi anke jaqbad it-triq għar-riforma”, qalet il-Qorti. Hija taqbel mal-piena suġġerita mill-Uffiċjal tal-Probation, u hija tal-opinjoni li tenut kont tal-ammissjoni bikrija tal-imputat, din il-piena għandha ixxaqleb lejn il-minimu. Pero tenut kont tal-kondotta voluminuża tiegħu, din il-piena ghandha tizdied bi tlett gradi.
Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-ammont ta’ €1,000 depożitu u l-ammont ta’ €1000 ieħor bħala parti mill-garanzija personali imposti fl-istess digriet tal-ħelsien mill-arrest, li jekk ma jitħallsux, għandu jiġi konvertit f’perjodu ulterjuri ta’ prigunerija skond il-lig
Il-Qorti kkundannat lil ħati biex iħallas lill-vittma is-somma ta’ €1,000, bhala kumpens għal ġizirana tad-deheb li serqilha. Sadanittant mill-erba’ snin ħabs li kien ikkundannat, irid jitnaqqas iż-żmien li Zammit għamel taħt arrest preventiv. Il-prosekuzzjoni tmnexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.
//= $special ?>