Ma jiċħadx lanqas li l-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida tkun tal-privat
Il-futur tal-Air Malta ghadu inċert daqs qatt qabel.
Wara konferenza oħra indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi, minflok iwieġeb ir-risposti fuq il-linja tal-ajru nazzjonali … Caruana qajjem aktar domandi u dubji dwar il-futur tal-Air Malta u l-futur tal-impjegati tal-kumpanija.
Fost il-mistoqsijiet li saru lill-Ministru kien hemm id-domanda jekk hux minnu li l-Air Malta kif nafuha illum hix se tingħalaq u l-linja tal-ajru l-ġdida jkun jisimha Valletta Air – b’Caruana ma jiċħadx.
Clyde Caruana insista li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qiegħed iħabbar aġġornamenti dwar l-Air Malta… filwaqt li stqarr li mhux kulħadd se jkun qed jieħu gost bihom, għaliex il-kumpanija bilfors trid tgħaddi minn dan il-proċess.
Il-Ministru sostna li ma jistax jifhem kif kien jingħad li l-Air Malta kienet qed tagħmel profitt meta kienet qed tagħmel telf ta’ €40 miljun – botta diretta għall-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Labour Konrad Mizzi li taħt amministrazzjoni preċedenti kien ħabbar bil-pompi kollha li l-linja tal-ajru kienet għamlet profitt ta’ aktar minn miljun ewro fl-2018.
Net News staqsa lil Clyde Caruana jekk la darba l-Air Malta tingħalaq hux se jkun qed jgħaddi l-kumpanija tal-ajru lill-privat – fatt li ma ċaħadx, iżda minflok farfar fuq l-Unjoni Ewropea.
Is-suġġett tal-Air Malta tqajjem mill-President tal-MHRA Tony Zahra waqt il-prezentazzjoni tal-Pre-Budget fejn insista mal-Ministru dwar l-importanza tal-konnettività li ġġib magħha l-linja tal-ajru għal pajjiżna – b’Zahra jinsisti li l-Air Malta hija parti importanti mis-sistema u jekk nitilfuha se jkollna problema kbira.
Fl-aħħar xhur l-Air Malta spiċċat f’baħar ta’ dubji, bl-impjegati li suppost ġew trasferiti fl-aħħar ta’ Awwissu u għal mal-Gvern jaraw il-kuntratt tagħhom estiż sal-aħħar tas-sena…bil-futur ta xogħlhom u tal-familji tagħhom għadu inċert.
//= $special ?>