Lokali

Imfakkar id-59 xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Ġimgħa filgħaxija fil-Belt Valletta ġiet organizzata velja  d-59 xahar minn meta Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata kiesaħ u biered f’karozza bomba quddiem id-dar tagħha.

Hekk kif ix-xahar id-dieħel se jkun qed jiġi mfakkar il-5 anniversarju tal-mewt tal-ġurnalista, l-għaqda Repubblika flimkien mal-għaqda non Governattivi Occupy Justice u Manuel Delia.com organizzaw din il-velja bit-tema favur il-verità u l-ġustizzja.

Matulha l-eks President u membru attiv ta’ Repubblika, Marion Pace Axiaq saħqet li l-korruzzjoni f’pajjiżna u l-aġir ta’ xi wħud fit-tmexxija tal-pajjiż waslu biex lill-pajjiż farkuh moralment u waslu lil bosta f’punt fejn min għandu ċ-ċans jiltaq jgħix ‘il barra minn xtutna sabiex jgħix ħajja diċenti. Hija saħqet li dan il-pajjiż tilef il-boxxla. Dan filwaqt li semmiet ukoll numru ta kummenti li ntqalu b’rabta mal-mewt tat-tifla ta’ 4 snin li mietet bil-għatx bejn sema u ilma. Hija saħqet li ċertu kummenti kienu diżumani u bla ruħ.

Dan filwaqt li tkellmet il-Viċi President ta’ Repubblika, Alessandra Dee Crespo,  qablet il-kuxjenza ta’ dan il-pajjiż ma’ Daphne Caruana Galizia u spjegat li fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 il-kuxjenza ta’ pajjiżna..nqatlet.

Hija saħqet li dak iż-żmien konna komdi nħallu x-xogħol lil ħaddieħor, rassenjati…u bħala soċjetà nħallu lil ħaddieħor jitkellem għalina.

Dan filwaqt li tenniet li anke illum il-ġurnata hawn min jagħżel li ma jipparteċipa f’xejn mingħajr ma jieħdu azzjoni kontra l-korruzzjoni.

Pia Zammit, attivista ta’ Occupy Justice, sostniet li minkejja li għadda dan iż-żmien kollu mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xorta waħda pajjiżna għadu qed jistenna ġustizzja. Tul dawn il-5 snin, Zammit saħqet li kien hemm ċans li jitwettqu aktar skandli u oxxenitajiet minn naħa tal-membri tal-Gvern iżda xorta waħda l-investigazzjoni dwar dan l-assassinju għadha mhux waħda sodisfaċenti.

Hija saħqet li dan jaf jindika li mhux kwistjoni ta’ żmien, imma kwistjoni ta’ apatija u nuqqas ta’ volontà biex min hu ħati jieħu li ħaqqu.

Intant il-membru tal-kumitat eżekuttiv ta’ Repubblika, Vicki Ann Cremona fejn saħqet kif suppost ikollha fiduċja f’nies li gidbu kemm felħu sabiex minflok jipproteġu xogħol il-ħaddiem…serqu kemm felħu minn but iċ-ċittadin.

Hija saħqet li l-Malti xeba jisma’ bi skandlu wara l-ieħor u kollox jgħaddi mar-riħ qisu xejn m’hu xejn.

Dan filwaqt li temmet b’referenza għat-theddida li rċeviet l-Maġistrat Nadine Lia hekk kif saħqet li Repubblika tikkundanna bla ebda riservi dan it-theddid u saħqet li ċertament il-memri ta’ repubblika jafu x’jiġifieri li tirċievi theddid minn ittri anonimu. Għaldaqstant ikkundannat dan l-att kodard u saħqet li tittama li min wettaq dan jinqabad u jieħu li ħaqqu.