Fl-Ingilterra komplew jinġemgħu l-folol kbar tan-nies li qegħdin isellmu lir-Reġina Eliżabetta waqt li mexjin minn qrib it-tebut tagħha f’Westminster Hall — u bħala parti minn ritwal ta’ qima tradizzjonali għal meta jmut Kap tal-monarkija.
Intant, l-ammonti tan-nies f’Londra li jridu jagħtu rispett lir-Reġina qed ikunu ħafna akbar milli bassru l-awtoritajiet — bil-kju ikollu jieqaf għal żmien wara li Southwark Park (it-tarf nett tas-serbut) ma felaħx iżomm aktar nies li bdew ġejjin mill-bnadi kollha tal-pajjiż.
Fil-fatt, l-awtoritajiet waqqfu lin-nies milli jidħlu f’Southwark Park, lejn ix-xlokk ta’ Londra, għal sitt sigħat, fost it-twissijiet biex in-nies ma jippruvawx jissieħbu mal-folol sakemm ikunu aċċertati l-kriterji tas-sigurtà.
Fi żviluppi oħra, kien ikkonfermat li – fuq it-talba tar-Re Karlu — iż-żewġ uliedu, il-Prinċep William u l-Prinċep Harry, se jkunu lebsin l-uniformi ladarba huma, għada, jieħdu sehem fil-‘vejla tal-prinċpijiet’ maġenb it-tebut tar-Reġina.
Dan wara li Harry, s’issa, libes dejjem libsa formali għal waqt l-attivitajiet ċerimonjali ta’ qabel il-funeral tar-Reġina u peress li hu mgħadhux working royal – li jfisser li mgħadux jirrappreżenta lill-Familja Rjali waqt il-funzjonijiet pubbliċi.
Fl-istess ħin, kien ikkonfermat li nhar it-Tnejn, il-funeral statali tar-Reġina, — li se jsir f’Westminster Abbey – għandu jikkonkludi b’żewġ minuti silenzju.
‘Il fuq minn 2,000 mistednin distinti se jkunu preżenti għal dan is-servizz funebri li se jixxandar lit-telespettaturi fl-Ewropa u madwar id-dinja.
//= $special ?>

