.
Ir-Re Karlu III u martu Camilla, il-Queen Consort żaru Wales bħala l-aħħar vjaġġ fl-erba’ pajjiżi li jikkostitwixxu r-Renju Unit u bħala parti minn programm solenni qabel il-funeral statali tat-Tnejn għar-Reġina Eliżabetta t-Tieni, li mietet il-ġimgħa l-oħra fl-età ta’ 96 sena.
Din hi anki l-ewwel żjara ta’ Karlu f’Wales bħala r-Re u wara li hu żar diversi drabi lil dan il-pajjiż bħala l-Prinċep ta’ Wales….Kariga li hu kien ilu jżomm b’mod formali mill-1969.
Karlu, fil-fatt, dam aktar bħala l-Prinċep ta’ Wales minn kwalunkwe membru ieħor tal-monarkija Britannika li qatt okkupa dan ir-rwol. It-titlu ta’ Prinċep ta’ Wales issa għaddiet lill-Prinċep William, iben Karlu, bir-Re Britanniku, f’kumment speċifiku, isostni li ħassu ferm ipprivileġġjat li seta jaqdi dan ir-rwol distint ħafna għall-monarkija.
Il-poplu f’Wales laqgħu lil Karlu u Camilla b’entużjażmu kbir fost it-tixjir tal-Union Jacks u bil-koppja rjali – li waslu f’Cardiff bil-ħelikopter — jingħataw merħba mill-Ministru Ewlieni ta’ Wales, Mark Drakeford, is-Segretarju tal-Istat għal Wales, Sir Robert Buckland u personalitajiet politiċi oħrajn. Dan ukoll waqt li l-artillerija fil-madwar tal-Kastell ta’ Cardiff sparat salut ta’ merħba.
Il-koppja rjali, wara, attendiet għal servizz li fakkar il-ħajja tar-Reġina Eliżabetta fil-Katidral ta’ Llandaf u li tmexxa bil-lingwa Ingliża kif ukoll bil-Welsh.
Preżenti għas-servizz kien hemm anki l-Prim Ministru tar-Renju Unit Liz Truss li kienet qed iżżur Wales għall-ewwel darba f’din il-kariga.
L-Arċisqof ta’ Wales, Andrew John, waqt id-diskors tiegħu fil-Katidral, faħħar is-snin ta’ servizz u lealtà tar-Reġina Eliżabetta lil pajjiżha waqt li enfasizza li r-Reġina kienet ukoll personalità kbira ħafna fix-xena internazzjonali. L-Arċisqof kompla li r-Reġina mhux talli personifikat l-istabbilità u l-kontinwità iżda anki l-valuri sodi li huma eżempju għal kulħadd irrispettivament mit-twemmin u l-kulturi diversi.
Il-programm ta’ Karlu u Camilla f’Wales kien jinkludi anki żjara fil-Parlament ta’ Wales – magħruf bħala s-Senedd – fejn ir-Re aċċetta mozzjoni ta’ fiduċja mingħand id-deputati. Karlu III, wara, kellu udjenza mal-Ewwel Ministru Drakeford fil-Kastell ta’ Cardiff.
//= $special ?>

