Sport Waterpolo

Jumejn bogħod mid-debutt tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena tal-waterpolo fil-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: ASA)

Artiklu: Stewart Said

Jonqos biss jumejn qabel it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena jibda l-impenji tiegħu fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Iż-żgħażagħ Maltin jinsabu f’Podgorica fil-Montenegro bl-għan li jiksbu riżultat ieħor prestiġjuż għall-isport Malti.

Dan wara t-12-il post miksub mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena fil-Kampjonat tad-Dinja u l-14-il post mit-tim nazzjonali tal-irġiel fil-Kampjonat Ewropew.

Il-kowċ nazzjonali Anthony Farrugia għażel 14-il plejer, bil-kontinġent Malti ħalla pajjiżna t-Tlieta li għadda. L-iskwadra Maltija hi miżgħuda bi plejers li lagħbu fil-Kampjonat Premier f’dan is-sajf b’uħud minnhom ikollhom irwoli importanti fit-timijiet rispettivi.

Farrugia żamm il-maġġoranza assoluta tal-iskwadra li kiseb il-kwalifikazzjoni f’pajjiżna f’April li għadda. Dakinhar Malta kienet rebħet kontra l-Finlandja u r-Renju Unit filwaqt li kienet megħluba 12-7 mill-Olanda fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni.

Il-plejers magħżula huma Jake Cachia, Mark Castillo, Alec Fenech u Sam Gialanze ta’ Neptunes, il-captain Jake Bonavia, Russell Caruana u Daniel Tully ta’ San Ġiljan, il-gowlkiper Matthew Bonello du Puis u Gianni Farrugia ta’ Sirens, Kieyan Borg, Jayden Cutajar, Matthew Mifsud u Daniel Rizzo ta’ Sliema u l-gowlkiper Andrew Bugeja ta’ Valletta.

It-tim Malti jinsab fi Grupp A flimkien ma’ Spanja, l-Olanda u r-Repubblika Ċeka. L-ewwel impenn tat-tim Malti jkun il-Ħadd fid-9.00am kontra Spanja, segwit mil-logħba kontra r-Repubblika Ċeka t-Tnejn fis-1.00pm u l-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Olanda t-Tlieta fl-4.20pm. Imbagħad isegwu l-logħbiet tal-klassifikazzjoni.