Lokali

L-inkjesta li talab il-Kummissarju titfa’ ħtija fuq żewġ uffiċjali

"Fis-sistema tal-Korp hemm difetti serji"

Ftit tal-ħin ilu, il-Korp tal-Pulizija ippubblika l-inkjesta interna li saret mill-Complaints Board dwar il-każ ta’ Iosif Galea – ir-raġel li kien tħalla jaħrab minn Malta, minkejja li kien hemm arrest warrant maħruġ fuq ismu.

Din l-inkjesta fil-konklużjonijiet tagħha titfa’ ħtija fuq żewġ uffiċjali tal-Pulizija. U tgħid li ma kien hemm l-ebda direzzjoni mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija sabiex ikun hemm xi għajnuna lil Galea.

Jidher li issa se jkunu qed jittiehdu passi dixxiplinari kontra dawn iż-żewġ uffiċjali.

Ġimgħat ilu, kemm l-Union tal-Pulizija (MPU) kif ukoll il-PN qalu li ma kellhomx fiduċja fil-mod kif saret l-investigazzjoni dwar dan il-każ – u li kellha issir inkjesta tassew indipendenti.

X’qed tgħid din l-inkjesta?

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta ġew pubblikati mill-Korp il-Ġimgħa filgħaxija. Għalkemm il-verità hi li dan ir-rapport ilu lest mix-xahar li għadda – datat 30 ta’ Awwissu. Iżda ħadd ma jaf għaliex inżamm mistur.

Apparti minn hekk, l-email mibgħut mill-Pulizija turi li l-Korp ippubblika biss minn paġna 16-il quddiem ta’ dan ir-rapport.

Interesanti l-fatt li r-rapport jgħid b’mod ċar li l-Kummissarju ma kienx jaf b’dan il-mandat ta’ arrest internazzjonali. U li fis-sistema tal-Korp “hemm difetti serji”.

X’inhu l-każ ta’ Iosif Galea?

Galea kellu fuq ismu mhux wieħed imma żewġ mandati ta’ arrest – imma għal xi raġuni hu kien ħareġ u daħal f’pajjiżna kemm-il darba, sakemm fl-aħħar kellhom ikunu l-awtoritajiet Taljani li f’Mejju li għadda arrestawh waqt li kien btala flimkien mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Iosif Galea kien imfittex fuq każ ta’ leak  ta’ informazzjoni sensittiva ferm mill-Malta Gaming Authority, u kien hemm anke mandat fuq ismu b’rabta ma’ invesigazzjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi fuq evażjoni ta’ taxxa.

Dan il-każ kien qajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar kif il-Pulzija ħalliet lil dan ir-raġel jivvjaġġa minkejja li kellu mandat ta’ arrest – mistoqsijiet li tefgħu dell ikrah fuq it-tmexxija tal-Korp, speċjalment fuq Angelo Gafà.

Wara l-arrest ta’ Galea, il-Police Complaints Board intalab jagħmel investigazzjoni dwar il-każ. Madankollu il-Union tal-Pulizija l-MPU kienet talbet investigazzjoni indipendenti u insistiet li mhux se taċċetta r-rapport tal-Complaints Board. Anke l-PN kien tkellem b’saħħa fuq din it-tema.