Lokali

“L-MPs għandhom jiddikkjaraw id-dħul, l-assi u r-rigali” – Iċ-Chamber bi proposti għal trasparenza fil-governanza

Il-Membri Parlamentari kollha għandhom jippreżentaw il-formula tat-taxxa tad-dħul tagħhom, jiddikkjaraw l-assi tagħhom kollha, inkluż dawk f’isem membri tal-familja tagħhom, u jagħtu rendikont ukoll tar-rigali li jirċievu.

Dawn huma ftit biss mir-rakkomandazzjonijiet li qed tagħmel il-Kamra tal-Kummerċ permezz ta’ dokument bl-isem “Qafas għal trasparenza qawwija, kontabilità u Governanza Etika għall-Membri Parlamentari”.

Id-dokument li ġie mniedi din il-ġimgħa jgħid li d-Deputati għandhom ikollhom linji gwida ċari li jagħtuhom direzzjoni.

Iċ-Chamber saħaq dwar l-importanza li l-Membri Parlamentari kollha jkunu għal kollox trasparenti dwar id-dħul u l-assi tagħhom u tal-familja qrib tagħhom, kif fl-aħħar mill-aħħar, hu rrakkomnadant mill-Kunsill tal-Ewropa, u ppropona li jkun  hemm żewġ reġistri – wieħed għall-assi u l-ieħor għar-rigali.

Dawn iż-żewġ reġistri, tgħid iċ-Chamber għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd fuq is-siti tal-Parlament u tal-Kummissarju għall-Istandards.

Il-Kamra talbet ukoll għal ‘naming and shaming’ mill-Kummisarju għall-Istandards.. jew li dan l-uffiċju jkollu s-saħħa li jsemmi min huma dawk il-membri li ma jkunux ippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom.

Wara l-ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista… u bħala Prim Ministru, Robert Abela intalab kemm-ildarba jippreżenta r-returns tiegħu… madankollu hu baqa’ jirriffjuta u qatt ma ddikkjara la d-dhul tiegħu fis-snin ta’ qable u lanqas l-assi.

Id-dokumen taċ-Chamber jgħid li l-Kummissarju għandu jippubblika rapport li janalizza dawn id-dikjarazzjonijiet u għandu jkun jista’ jipproponi sanzjonijiet fejn hemm il-ħtieġa.

Fl-istess dokument, il-Kamra kkundannat il-mod kif isir il-lobbying f’pajjiżna, u qalet li l-proċess hu għal kollox nieqes minn qafas ta’ kif għandu jsir u minn linji gwida.

Fid-dokment iċ-Chamber issemmi żewġ eżempji.

L-ewwel, il-preżenza tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat għal laqgħa bejn Robert Abela u Steward Healthcare. Preżenza li ċ-Chamber iddeskriva bħal illeġittima meta Muscat kien backbencher.

U t-tieni kienet id-dikjarazzjoni ċara tal-iżvilupptaru Joseph Portelli dwar ir-rabtiet mill-qrib li għandu mal-Gvern. Dikjarazzjonijiet li għamilhom waqt intervista mal-media indipendenti.

Il-Kamra qalet li r-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Kummisarrju għall-Istandards fl-2020 f’dan ir-rigward, kif ukoll dawk tal-OECD għandhom jiġu kkunsidrati.