Internazzjonali

L-Ukrajna: Sejba ta’ mijiet ta’ oqbra fil-limiti ta’ Izyum

L

It-Tmexxija fl-Ukrajna kkonfermat is-sejba ta’ mijiet ta’ oqbra fil-limiti ta’ Izyum li fl-aħħar jiem kienet illiberata mill-militar tar-Russja. L-oqbra qed ikunu investigati wara li s-suldati Ukreni li kienu qed javvanzaw fuq Izyum sabu ħafna slaleb tal-injam, immarkati bin-numri, qalb foresta ‘il hinn mill-belt.

Għadu mhux ċar x’seta għadda mill-vittmi, meta jidher  li l-maġġoranza tal-katavri fl-oqbra kienu ta’ ċivili. L-indikazzjoniijiet huma li ‘il fuq minn 400 spiċċaw midfunin fis-sit – bin-Nazzjonijiet Uniti qed taħseb biex tibgħat l-osservaturi fis-sit matul il-jiem li ġejjin.

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani qal li fil-jiem li ġejjin se jiddetermina l-identità tal-katavri flimkien mal-kawża tal-imwiet. Dan meta sa ftit jiem ilu, il-belt ta’ Izyum kienet tintuża mill-militar Russu bħala hub għat-trasport ta’ provvisti lis-suldati tar-Russja lejn il-Lvant tal-Ukrajna.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li hu u l-Gvern tiegħu jridu li d-dinja tkun taf eżatt x’qed issarraf l-okkupazzjoni tal-ibliet tal-Ukrajna mill-Armata Russa. Hu kompla li s-suldati ta’ Moska, fl-aħħar xhur, żergħu l-mewt u qerda fl-inħawi ta’ Bucha,  Mariupol, u Izyum u li jeħtieġ li huma jinżammu kontabbli għal dawn l-atroċitajiet.