Lokali Qorti

Mhux ħati li seraq €4,400 fi flus u oġġetti minn residenza

Nadim Mharam Abdul Gader Mharam, Libjan ta’ 40 sena residenti ż-Żejtun ma nstabx ħati mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia minħabba nuqqas ta’ provi miġjuba mill-prosekuzzjoni li seraq b’€4,000 flus flus kontanti, kuruna tal-madre perla u kwadru u miżien antik li jiswew €400.

Il-fatti li ħarġu fil-Qorti kienu li fit-18 t’Ottubru 2019 għall-ħabta tat-8.00pm Andrew Cauchi irrapporta l-għassa tal-Pulizija taż-Żejtun, li hu kien għamel ħbieb mal-imputat, għax kien jitħassru għax ma kienx jaħdem u ġieli tah xi ħaġa tal-flus biex jgħix.

Cauchi irrapporta li dak in-nhar għall-ħabta tas-7.30pm kien mar lura d-dar tiegħu, fil-Gudja, fejn meta daħal sab lill-imputat ġewwa b’xi oġġetti f’idu li kienu tiegħu. Dawn l-oġġetti kienu miżien antik tal-kċina ta’ valur ta’ €130.00 u inkwatru bil-medalji ta’ valur ta’ madwar €300.

L-imputat qallu li kien sab il-bieb miftuħ, u daħal ġewwa, u li l-oġġetti li kellu f’idu kien se jurihom lil xi ħbieb tiegħu li kien hemm barra. Cauchi qal li sema vuċi ta’ mara ġej minn ġo vettura, u skond Cauchi din il-vuċi kienet ta’ Ramona Caruana.

Cauchi qal li hu ma ħalliex lil Libjan jieħu l-oġġetti, u qallu biex jitlaq il-barra, u mar jagħmel r-rapport lill-Pulizija.
L-imputat ġie arrestat u waqt l-interrogatorju innega li kien daħal fid-dar ta’ Cauchi u qal li kien qagħad barra l-bieb tad-dar tiegħu, pero qal li l-purtella kienet miftuħa fi x’ħin wasal hu.

L-imputat qal ukoll li dak in-nhar ma kienx mar id-dar ta’ Cauchi ma’ Ramona Caruana, iżda kien wasslu ċertu Muhammed, u ta lill-Pulizija n-numru tal-mobile tiegħu. Cauchi qal li l-imputat ma jaħdimx, jabbuża mix-xorb alkoħoliku u d-droga, u ħsiebu fin-nisa.

Qal ukoll li jissuspetta li xi ġranet qabel ma seħħ il-każ, l-imputat kien seraqlu ċ-ċavetta tad-dar, u għamel kopja tagħha, u b’hekk fetah il-bieb tad-dar dak-in-nhar tal-inċident. Cauchi qal li barra fit-triq fil-karozza li fiha kien hemm raġel li ma għarafx u ċertu Mona (presubilment Ramona Caruana li semma fir-rapport lill-Pulizija) li għarafha minn leħinh.a

Cauchi qal ukoll li l-ghada tal-incident, wara li kien ikkalma, għamel rendikont tal-affarijiet li kellu u nduna li kien hemm affarijiet neqsin, u li skond hu ħadhomlu l-imputat. Skond Cauchi l-oġġeti misruqa huma imprezzabbli. Pero huwa ammetta li naqas li jinforma lill-Pulizija b’dawn l-affarijiet li sab nieqsin, u l-ewwel darba li għamel dan kien waqt ix-xhieda tieghu fil-Qorti.

Cauchi ammetta li hu kien qal lill-imputat sabiex imur id-dar tiegħu dak-in-nhar tal-inċident bejn is-7.00pm u t-8.00pm, in konnessjoni ma’ xiri ta’ mobile minghand l-imputat. Min-naha l-oħra, fix-xhieda tiegħu l-imputat żamm ferm mal-verċjoni tal-fatti li hu ta waqt l-interrogatorju.

Huwa qal li Cauchi kien xtara mobile minn għandu u kien ftiehem miegħu li dak in-nhar tal-inċident imur id-dar tiegħu biex iġiblu c-charger. Pero meta mar id-dar tieghu ma sabux hemm, pero il-purtella kienet miftuħa u qagħad jistenna fil-parapett. Meta wasal Cauchi, dan beda jgħid li hu kien ħalla l-purtella miftuħa, u jallega li l-imputat daħallu ġewwa.

L-imputat baqa’ jinnega li daħal fid-dar ta’ Cauchi u li seraqlu xi affarijiet. Innega wkoll li huwa kellu ċ-ċavetta tad-dar. Ghalhekk, il-Qorti kienet iffaċċata b’żewġ testimonjanzi kunfliġġenti fejn il-vittma qed jallega numru ta’ fatti, fil-waqt li l-imputat qed jiċħadhom. Provi oħra indipendenti sabiex jikkorroboraw il-verżjoni ta’ parti jew oħra ma hemmx.

Fi proċeduri kriminali bilfors li l-Prosekuzzjoni trid tipprova l-każ tagħha lill’hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni. Fin-nota ta’ sottomissjonijiet tagħha, il-Prosekuzzjoni issottomettiet li l-verzjoni tal-vittma taghmel iktar sens u hija veritiera għal verżjoni li ta l-imputat, pero naqset r-raġuni jew raġunijiet li fuqhom qed issejjes din is-sottomissjoni tagħha.

Huwa vera li xhud wiehed, jekk emnut sal-grad tal-konvinċiment morali, huwa biżżejjed sabiex il-Qorti ssib u tiddikjara ħtija, pero jrid ikun hemm raġunijiet validi sabiex il-Qorti issib li xhud huwa kredibbli. Il-Qorti hija tal-opinjoni li l-verżjoni ta’ Cauchi m’hix waħda kredibbli.

Huwa jallega li l-imputat ma jaġdimx, huwa dipendenti fuq l-alkoħol u fuq id-droga, u mohhu fin-nisa. Apparti li dan ma jirriżultax mill-provi – lanqas mill-fedina penali tal-imputat – jekk ghall-grazzja tal-argument biss dan hu veru, għalfejn Cauchi ma kienx sempliciment itih il-flus biex jgħinu, imma kien regolarment idaħħlu d-dar tiegħu biex jiekol?

Kulhadd jaf ir-rabta qawwija bejn l-abbuż ta’ sustanzi illeċiti u serq. Huwa ovvju anke mix-xhieda ta’ Cauchi stess, li Cauchi kien jafda lill-imputat. Fl-istess nifs Cauchi jghid ukoll li dak in-nhar tal-inċident, l-imputat kien stiednu biex jiekol id-dar tiegħu.

Irrispettivament mid-daqs tar-residenza tal-imputat u jekk kinietx mislufa lilu jew le, dan juri li l-imputat mhux biss kellu flus biex jiekol hu, iżda ukoll biex kultant jistieden għall-ikel lil Cauchi stess. Għalkemm Cauchi jgħid li jahseb li l-imputat ħadlu ċ-ċavetta biex għamel kopja tagħha għand ironmonger li hemm fil-viċinanzi tad-dar tiegħu, u ma jagħti l-ebda spjegazzjoni, wisq inqas wahda plawsibbli, dwar kif jahseb li l-imputat ħadlu ċ-ċavetta.

Cauchi jgħid ukoll li wara li hu ma ħalliex lill-imputat joħroġ l-oġġetti li hu qal li kellu f’idejh, ġie ragel li kien fil-karozza għalih u l-imputat telaq mieħhu. Ma jirriżultax li hu ħa n-numru tar-reġistrazzjoni ta’ din il-karozza. Fir-rapport tiegħu lil Pulizija Cauchi jgħid li fil-karozza li biha telaq l-imputat kien hemm ukoll ċertu Ramona Caruana, u mir-rapport tal-Pulizija jidher li l-Pulizija tkellmu magħha, u din innegat l-allegazzjonijiet li saru kontriha.

Pero Ramona Caruana ma nġabietx bħala xhud biex tixhed. Mill-atti ma jirriżultax li l-Pulizija sabu xi oġġetti proprjetà ta’ Cauchi fil-pussess tal-imputat, jew f’xi post iehor taĦt il-kontroll tiegħu. F’dan l-istat tal-provi, ċertament ma jistax jingħad li l-Prosekuzzjoni irnexxielha tipprova l-każ tagħha lill’hinn minn kull dubbju dettat mir-raġuni.