Minn nhar it-Tlieta 20 sal-Ħadd 25 ta’ Settembru 2022, se tkun qed tittella’ ‘Caravaggio The Musical – The Rise and Fall of a Tormented Genius.’ Din se tkun l-ewwel produzzjoni oriġinali ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC), b’mużika miktuba mill-Maestro Paul Abela, storja u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, koreografija ta’ Felix Busuttil, u direzzjoni ta’ Malcolm Galea.
Caravaggio the Musical – The Rise and Fall of a Tormented Genius huwa musical oriġinali ġdid li jirrakkonta l-istorja tal-artist Rinaxximentali Michelangelo Merisi, magħruf aħjar bħala Caravaggio. Dan il-pittur kiseb fama kbira kemm għall-kapolavuri tiegħu fl-istil chiaroscuro, kif ukoll għall-personalità vjolenti tiegħu.
Caravaggio huwa wieħed mill-aktar artisti magħrufin fid-dinja, u l-aktar xogħol importanti tiegħu kien il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann li jinsab fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-qalba tal-belt Valletta, li jitqies bħala teżor dinji imprezzabbli.
Imwieled qrib Milan fl-1571, id-drama u l-kuntrasti li wieħed isib fil-pitturi tiegħu jistgħu jitqabblu sew mal-ħajja kkulurita tiegħu. Caravaggio The Musical, jitfa’ d-dawl fuq it-talent uniku u storiku ta’ dan l-artist, iżda wkoll fuq l-aspetti aktar oskuri tal-karattru tiegħu.
Caravaggio kien kostantement ixellef difru mal-liġi u jidħol fi ġlied ma’ kulħadd. Dan kollu tebba’ l-karriera artistika tiegħu, u ġiegħlu jaħrab mit-taħwid li dejjem ħalla warajh f’kull belt li għex fiha.
Il-karattru ta’ Caravaggio se jkun interpretat mill-attur ibbażat ġewwa Londra Cameron Walker-Pow, li ġie jgħix fuq gżiritna għal dawn l-aħħar ftit ġimgħat speċifikament għal din il-produzzjoni. Il-kast jinkludi wkoll uħud mill-aktar vuċijiet rikonoxxibbli ta’ Malta bħal Roger Tirazona, Lawrence Gray u Neville Refalo, filwaqt li talenti bħal Talitha Dimech, Kateriana Fenech, Ryan Grech, Louis Cassar u Bettina Zammit jikkompletaw il-kast. Dan l-ispettaklu ta’ dwal, żfin u mużika għandu xenarju inkredibbli ddisinjat minn Romualdo Moretti u kostumi ta’ Giulia Orsi.
B’kompożizzjoni tal-Maestro Paul Abela, storja u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, u direzzjoni ta’ Malcolm Galea, il-musical jinkludi taħlita ta’ talenti lokali u internazzjonali stabbiliti. Caravaggio The Musical se joffri spettaklu li bla dubju se jkun eċitanti daqs il-ħajja tal-protagonist innifsu.
//= $special ?>