Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija li serqu mara wara li ġiet aggredita b’sikkina. L-istorja bdiet wara li wieħed minnhom talabha biex toħroġ miegħu. Clive Gerada ta’ 25 sena mill-Fgura u Keith Testa ta’ 21 sena mill-Marsa ġew mixlijin li serqu l-ġojjellerija tal-mara b’valur ta’ aktar minn €2,000.
Huma ġew akkużati wkoll li kkofoffaw biex iwettqu reat u li saru reċedivi. Testa waħdu ġie mixli li żamm lill-mara, li hija vulnerabbli, kontra r-rieda tagħha, li feriha ħafif, heddidha b’sikkina u li ġarr arma mingħajr liċenzja. L-inċident seħħ fi Ġnien San Nikola, Bormla nhar it-Tlieta għall-ħabta tad-9pm.
Il-Maġistrat Josette Demicoli semgħet lill-ispettur tal-pulizija Lydon Zammit jispjega kif il-pulizija ġiet infurmata għall-ewwel darba bis-serqa dakinhar filgħaxija meta l-vittma marret l-għassa biex tirrapporta l-każ. Hija qalet lill-pulizija li kellha date ma’ Gerada, fejn qalilha li kien bidwi, u marru fi ġnien fil-qrib.
Waqt li kienu hemm, Testa, li jaħdem bħala installatur ta’ air conditioning units, attakkaha, poġġielha sikkina ma’ għonqha u ħadiilha l-ġiżirana tad-deheb. Qal li waqt li kienet hemm, Gerada kienet qed iċċemplilha fuq il-mobile tagħha u mbagħad tfaċċa fl-għassa fejn immedjatament ġie arrestat.
L-Ispettur qal li l-pulizija rnexxielha tirkupra l-ġiżirana għalkemm kienet diġà għaddiet lil terza persuna. L-avukati difensuri Franco Debono u Francesca Zarb, li dehru għal Gerada u Alex Scerri Herrera, Matthew Xuereb u Daniel John Attard, li dehru għal Testa, talbu l-ħelsien mill-arrest.
Huma staqsew għaliex ma ġietx ordnata inkjesta maġisterjali u għaliex ix-xhieda tal-mara ma kinitx ittieħdet taħt ġurament. Qalu li l-provi kollha diġà ġew ippreservati u li l-akkużat kien ikkopera mal-pulizija waqt l-investigazzjonijiet tagħhom.
Meta oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, Zammit qal li l-vittma kienet persuna vulnerabbli b’diżabilità fiżika li kienet tafda lil Gerada. Qal li l-pulizija kellha xhieda ċivili li kienu fil-post għad iridu jixhdu u kienu mħassba dwar il-possibbiltà li l-akkużat ibagħbsu l-evidenza jekk jingħataw il-libertà proviżorja. Il-Maġistrat Demicoli f’dan il-punt ċaħdet it-talba u ordnat li l-akkużati jinżammu arrestati. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispetturi tal-Pulizija Stephen Gulia u Kurt Farrugia.
//= $special ?>