Lokali Qorti

Bidla fid-dmirijiet ta’ numru ta’ Maġistrati f’Malta u Għawdex

Saret bidla fid-dmirijiet ta’ numru ta’ Maġistrati fejn fost dawk l-aktar notevoli huma li l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras milli tieqaf tkompli tieħu l-kawżi marbuta ma’ Money Laundering fejn nofs dawn il-kawżi se jgħaddu għand il-Maġistrat Rachel Montebello.

Il-Maġistrat Joe Mifsud jieqaf mill jieħu kawżi ġodda fil-Qorti tal-Maġistrat f’Għawdex u jibda jieħu l-kawżi marbuta ma’ l-Income Tax u dawk li hemm pendenti quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li mhumiex differiti għas-sentenza. Minn naħa tiegħu l-Maġistrat Caruana ġie assenjat li jibda jipproċedi l-kawżi l-ġodda fil-Qorti tal-Maġistrat ta’ Għawdex.

Fil-konfront tal-Maġistrat Mifsud dan se jibda jieħu żewġ terzi tal-kawżi ġodda tal-Bord li jirregola l-Kera sa l-aħħar ta’ Jannar 2023, b’dan illi mill-bidu ta’ Frar jibda jieħu terz tal-kawżi ġodda. L-Uffiċċju tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti għamel dawn it-tibdiliet ta’ kawża u doveri bis-saħħa mogħtija lilu skont il-liġi.

B’dan it-tibdil issa l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit mhux se tieħu aktar talbiet għall-Assistenza Legali li terz minnhom issa se jgħaddu għand il-Maġistrat Joe Mifsud, li se jerġa’ jibda jieħu l-kumpilazzjonijiet wara perjodu indispost. Il-Maġistrat Stafrace Zammit se tieqaf milli tieħu kumpilazzjonijiet ġodda, ħlief dawk li l-vittmi huma minuri.

Il-Maġistrat Doreen Clarke se tibda tisma’ r-rikorsi u proċeduri in segwitu għal sentenzi mogħtija minn Maġistrati li m’għadhomx fil-kariga jew mhux qed iservu ta’ Maġistrati. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech se tibda tieħu l-kumpilazzjoni b’dan illi mis-sehem tagħha jitnaqqas in-numru ta’ kumpilazzjionijiet ta’ Money Laundering li tkun ħadet.

Il-Maġistrat Frendo Dimech se tibqa’ taħdem Għawdex fejn se tagħmel il-kawżi tal-Maġistrati hemmhekk bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali u bħala Qorti Struttorja fejn ikun hemm rikuża jew astensjoni. Il-Maġistrat Rachel Montebello kellha tibdiliet oħra li daħlu fis-seħħ. Hija se tieqaf tieħu kawżi tal-Qorti tal-Maġistrati (Malta) – Sede Ċivili, ħlief dawk li jaqgħu taħt il-Kap 579 – Att Dwar il-Media u l-Malafama.

Il-Maġistrat Montebello se tibqa tisma’ rikorsi u proċeduri ta’ Maġistrati li m’għadhimx fil-kariga jew mhux qed iservu ta’ Maġistrati. Il-Maġistrat Simone Grech se tieqaf tieħu kawżi tal-Qorti tal-Minorenni ta’ Għawdex li huma ta’ kompetenza kriminali. Tieqaf ukoll minn kawżi ġodda tal-Qorti tal-Maġistrat f’Għawdex.

Il-Maġistrat Leonard Caruana minbarra li se jieħu l-kawżi ġodda mill-Qortio tal-Maġistrat f’Għawdex, se jieħu wkoll il-kawżi ġodda f’Għawdex fil-Qorti tal-Minorenni. Huwa se jieqaf milli jieħu kawżi ġodda marbuta mal-Income Tax u mal-Bord li jirregola l-Kera.