Lokali

“Fil-ħidma tagħna dejjem tajna prijorità lill-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha” – David Casa

“Kburi immens bis-suċċessi li wettaq Partit Nazzjonalista fil-gvern matul is-snin. Dan hekk kif f’dak kollu li għamilna u fil-ħidma kontinwa tagħna dejjem rajna l-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal l-MEP Nazzjonalista David Casa matul attività politika bit-tema ‘Mill-Indipendenza sal-Ewropa’ li saret il-Ġimgħa filgħaxija fil-Belt Valletta.

Matul din l-attività, bis-sehem ta’ diversi kelliema fosthom il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, kienu diskussi fost l-oħrajn il-kisbiet importanti li Gvernijiet Nazzjonalisti ħadmu għalihom matul is-snin… kisbiet li sawru n-Nazzjon u li permezz tagħhom iċ-ċittadtini Maltin u Għadwxin setgħu jilħqu l-aspirazzjonijiet li jgħixu ħajja aħjar filwaqt li jwettqu l-ħolm tagħhom.

David Casa semma b’mod partikolari l-ħidma tiegħu fl-implimentazzjoni d-Direttiva tal-Work Life Balance, li permezz tagħha, il-Gvern Malti kien kostrett jagħti 10 ijiem leave lill-missirijiet il-ġodda.

Apparti dan, ħadem biex ikun hemm aktar fondi għal Malta permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Soċjali għall-Klima. Dan hekk kif it-tibdil tal-klima hija u se tkun aktar ta’ theddida għall-familji u l-persuna l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

L-MEP Nazzjonalista qal li huwa importanti li ninvestu fid-djar u fin-negozji ż-żgħar, filwaqt li naraw li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jinżlu permezz ta’ investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija.

Semma wkoll li l-ħidma tiegħui waslet biex ikun hemm aktar protezzjoni għall-ġurnalisti, għax id-demokrazija ma taħdimx tajjeb jekk ma jkunx hemm aċċess ħieles għall-informazzjoni.

David Casa qal li jinsab kommess li flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola se jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha fejn kulħadd ikollu d-dritt għal kwalita ta’ ħajja aħjar.

Preżenti għal din l-attività kien hemm is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll numra ta’ Deputati Nazzjonalisti.