L-iġsma tal-Ukreni, inkluż dawk ta’ suldati u ċivili kien mormija f’barriera qisu xejn mhu xejn.
Hekk kienet deskritta x-xena tal-aħħar sigħat wara li nstabu ‘l fuq minn 400 katavru fil-limiti tal-belt ta’ Izyum… sejba li qed tikxef il-brutalità li r-Russi użaw fil-konfront tal-Ukreni fl-ibliet okkupati.
Il-katavri li nstabu kellhom xi marki ta’ tortura mhux biss fuq is-suldati Ukreni, imma anki fuq għadd ta’ ċivili fejn dawn tal-aħħar instabu wkoll marbuta minn idejhom.
Il-ħtif ta’ Izyum qed tkun meqjusa bħala waħda strumentali għall-Ukreni.
Intant f’reazzjoni għal din is-sejba, il-President tal-Ukrajna Volodmyr Zelensky qal li jeħtieġ li jsir ħaqq mar-Russja, u li kull ma jmur qed toħroġ il-verità fuq il-kattiverja tal-Kremlin u Vlaidimir Putin.
Zelensky qal li r-Russi kull ma jmur qed iħossu l-impatt tas-sanzjonijiet Ewropej u tal-Punent, b’kelliema għar-Renju Unit li qed isegwu dak li għaddej bħalissa fil-Lvant tal-Ewropa jgħidu li r-Russi qed isibuha diffiċli ferm biex jipproduċu aktar armamenti sabiex javvanzaw aktar fl-Ukrajna.
Rapporti Ukreni intant qed jgħidu li l-Ukreni qed ikomplu javvanzaw u anki attakaw il-belt Russa ta’ Belgorod, bir-Russi jgħidu li wieġbu b’attakki fuq numru ta’ bliet b’Donetsk.
Intant fil-Belt Kapitali Russa, Moska, raġel niżel fit-toroq bil-kartelun jgħid “waqqfu l-qtil”. L-istess persuna ġie miżmum mill-pulizija ftit wara.
//= $special ?>