Ir-riskji ħadhom kollha l-poplu, filwaqt li l-profitti ħadhom u għadu qed jeħodhom ħaddieħor.
Hekk saħqu l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u Darren Carabott f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-ftehim sigriet li kien sar bejn il-Gvern Malti u s-Socar, fejn il-Gvern ta garanzija lis-Socar li kull dejn li tagħmel l-Electrogas fir-rigward tax-xiri tal-gass kien lest jerfgħu hu. Dan apparti l-garanziji bankarji oħra li sirna nafu bihom fil-passat, garanziji li fi kliem l-ex Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, allaħares ħarġu fil-beraħ għax kienu jirriskjaw l-ekonomija Maltija.
Il-kelliema saħqu li r-reazzjoni tal-Ministru dwar dan il-ftehim kienet li dan issa ġie terminat u ma ntużax. Dan mhux minnu għaliex il-ftehim dmiru qdieh għax bis-saħħa tiegħu l-Electrogas setgħu jidħlu għal proġett. Mingħajru, is-Socar ma kienux lesti jipprovdulhom il-gass għax kellhom dubju kemm il-finanzjament li kellhom kien iwassal.
Fuq dan il-ftehim il-Gvern gideb ukoll kemm-il darba fil-Parlament.
Fil-15 u 22 ta’ Ġunju tal-2015, fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari, apparti li rrifjuta li jippubblikah, qal li dan il-ftehim “qed jiġi diskuss mal-Kummissjoni Ewropea”.
Issa llum nafu li dan il-ftehim mhux talli ma ġiex diskuss mal-Kummissjoni, talli nħeba mill-Kummissjoni. Anzi, proprju emails li ġew żvelati juru kif l-investituri kienu nkwetati li jekk il-Kummissjoni ssir taf bih jistgħu jkollhom problemi għax hemm ċans li jikser xi prinċipji jew regoli Ewropej.
U reġa’ gideb dwaru il-Grupp Parlamentari Laburista kollu, inkluż ħafna Ministri u Membri Parlamentari preżenti, meta fl-1 ta’ Marzu 2017 ivvutaw u ressqu emenda għal mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar dan il-proġett fejn talbet li l-Gvern ipoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-kuntratti kollha ffirmati, inkluż dan is-security of supply agreement li ġie żvelat issa. Il-Partit Laburista, fil-Parlament, waqqa’ din il-mozzjoni b’emenda li fiha reġa’ qal li dan il-ftehim kien għadda l-iskrutinju tal-Kummissjoni Ewropea.
Illum qed inkomplu nikkonfermaw li l-Gvern Laburista kien galantom bi flus-il poplu u li fl-istess nifs kien u baqa’ jisraqhom fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
U bħalma inganna u gideb fil-passat, diffiċli nemmnuhom illum meta jitkellmu fuq dan is-settur.
Il-poplu għandu dritt ikun jaf kemm mis-sussidji li qed inħallsu llum qed imorru biex jissussidjaw il-profitti ta’ ħaddieħor.