Futbol Sport

L-attivitajiet tal-75 sena Anniversarju tal-Mellieħa SC jagħlqu bl-inawgurazzjoni ta’ Kumpless Sportiv ġdid

Bħala parti mill-attivitajiet tal-75 anniversarju mit-twaqqif tal-Mellieħa Sports Club, is-Sibt filgħaxija ittellgħet serata speċjali sabiex tfakkar l-istorja ta’ dan il-klabb matul dawn is-snin.

Fl-aħħar xhur il-klabb kien għaddej bi proġett ta’ binja ġdida li issa tlestiet u bdiet tintuża bħala kumpless sportiv ġdid għall-użu ta’ diversi dixxipplini sportivi joffri il-Mellieħa Sports Club. Il-perit Ċensu Galea, flimkien ma’ Graziella Galea ħadu ħsieb il-pjanti u x-xogħlijiet tal-peritizja b’mod volontarju.

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo flimkien mal-President tal-Mellieħa Sports Club Alfred Vella Borg qatgħu iż-żigarella tal-binja l-ġdida filwaqt li kixfu plakka komomerattiva li timmarka dan il-jum speċjali għall-klabb li għalih saru ħafna sagrifiċji u xhur sħaħ ta’ ħidma.

Ta min jirrimarka li s-sur Alfred Vella Borg ilu fil-kumitat aktar minn 60 sena filwaqt li l-Viċi President Joseph Fenech ilu aktar minn 50 sena jifforma parti minn dan il-kumitat.