Bid-determinazzjoni nilħqu l-miri kollha. L-għaqda bejn il-Kunsilli Lokali hija neċessarja sabiex niksbu riżultati sbieħ.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Kunsilliera li saret is-Sibt filgħodu fid-Dar Ċentrali.
Huwa qal li permezz tal-ħidma tagħhom, il-Kunsilliera qegħdin jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies u għalhekk ħeġġiġhom sabiex jibqgħu jagħtu l-aħjar servizz tagħhom speċjalment fi żmien ta’ bżonn.
Bernard Grech fakkar li għandna nkunu kburin bl-Indipdendenza ta’ pajjizna għax dakinhar bdiet il-ħajja tan-nazzjon Malti, mixja li waslet biex Gvern Nazzjonalista jwelled il-Kunsilli Lokali.

Minn naħa tiegħu l-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Darren Carabott tenna li hemm bżonn li tisaħħaħ l-għaqda bejn il-Kunsilli Lokali kollha. Huwa qal li l-Kunsillera tal-Partit Nazzjonalista għandhom ikomplu jaħdmu sabiex jibqgħu jkunu l-vuċi tan-nies.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino fakkar li hemm bżonn li l-Kunsillera jkomplu jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies li hija wkoll it-tema għall-Indipendenza ta’ din is-sena.
Il-ko-ordinatur tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qal li diġa’ bdiet il-ħidma għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali li tinsab sena u nofs il-bogħod. Huwa fakkar li l-Kunsilliera għandhom jisimgħu lil xulxin u jaħdmu b’mod għaqli iżda fl-aħħar mill-aħħar dejjem ikunu viċin in-nies.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione kif ukoll numru ta’ Sindki u Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista.