L-attakkant Norveġiż ta’ Manchester City Erling Haaland kompla jsib ix-xibka b’mod impressjonanti fl-ewwel staġun tiegħu mas-Citizens u fejn ilbieraħ kellu sehem importanti fir-rebħa taċ-Champions Ingliżi fuq Wolves, 3-0, f’Molineux.
Minkejja li Wolves għandhom rekord tajjeb f’darhom City daħlu għal din il-logħba bħala l-favoriti u, fil-fatt, huma sabu x-xibka waqt l-ewwel tentattiv serju fuq il-lasta tal-Midlanders. Bilkemm laħqu għaddew 55 sekonda fuq l-arloġġ meta Jack Grealish sammar ġewwa mill-viċin fuq ix-xogħol tajjeb ta’ Phil Foden u l-assist perfett ta’ Kevin de Bruyne mal-faxxa leminija.
Wolves dehru mifxulin u fis-16-il minuta wasal il-mument ta’ Haaland li ttanta xortih mill-bogħod, bil-ballun jiżgiċċa lill-gowlkiper Malheiro de Sa għat-2-0 –u bil-logħba prattikament tintemm minn dak il-ħin. Il-gowl tan-Norveġiż hu partikularment sinifikanti għaliex ifisser li Haaland, issa, irnexxielu jsib ix-xibka għal City għas-seba’ logħba konsekuttiva. Dan ukoll meta hu issa diġà skurja 14-il gowl mill-aħħar 9 impenji għat-tim ta’ Pep Guardiola.
Wara l-gowl, Wolves ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda fit-33 minuta huma spiċċaw b’għaxra wara li tkeċċielhom Nathan Collins għal daħla kerha fuq Grealish. Il-Midlanders, fl-istess ħin, ħassew sew in-nuqqas tal-attakkant Raul Jimenez li jinsab imweġġa u meta għalissa għadu kmieni għall-akkwist il-ġdid Diego Costa biex jiddebutta bil-flokk ta’ Wolves fil-Premier League.
It-tieni taqsima kienet prattikament bla storja b’City jamministraw il-vantaġġ b’raġel iżjed u b’Wolves jagħmlu li jistgħu biex iżommu l-iskor rispettabbli. Madankollu City kienu tajbin biżżejjed biex jagħmlu l-iskor finali 3-0 meta, fuq il-kross fil-baxx ta’ de Bruyne, Foden (70) reġa’ sab ix-xibka bi flick biex ikkonkluda kull diskors. B’din ir-rebħa, is-Citizens huma l-liders il-ġodda tal-Premier League meta jinsabu b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Arsenal, li lagħbu logħba anqas miċ-Champions.
Il-logħbiet kollha tal-Premier League għal matul il-weekend qed ikunu mmarkati b’minuta silenzju qabel il-kickoff b’rispett għar-Reġina Eliżabetta li mietet il-ġimgħa l-oħra fl-età ta’ 96 sena. Il-minuta silenzju kienet rispettata b’mod impekkabbli mill-partitarji tat-tims involuti f’dan il-programm tal-logħob u meta fl-istadiums kien hemm ukoll il-kant tal-innu nazzjonali. Fis-70 minuta ta’ kull logħba, kien hemm iċ-ċapċip u l-applawż mill-partitarji pakkjati fis-stadiums li b’dan il-ġest kienu qed jagħmlu unur lir-renju tar-Reġina li dam għal 70 sena.
Fit-tieni logħba, Newcastle United spiċċaw fi dro diżappuntanti ma’ Bournemouth, 1-1, f’St James Park u li jfisser li l-Geordies ilhom mingħajr rebħa mill-ftuħ tal-kampjonat ġdid.
Il-manager ta’ Newcastle, Eddie Howe, huwa wkoll eks-manager ta’ Bournemouth u wara li l-ewwel 45 minuta ma produċew l-ebda gowl, hu kellu jara liċ-Cherries imorru fil-vantaġġ ( kontra x-xejra tal-logħob) meta l-midfielder Philip Billing matter saqajh biex idawwar għal ħewwa il-kross mix-xellug ta’ Jordan Zemura.
Iżda l-vantaġġ dam biss ħames minuti, b’Alexander Isak – li ngħaqad mal-Geordies ftit ġimgħat ilu għal somma rekord ( mingħand Real Sociedad) – jikkonverti penalty wara li Jefferson Lema kien mess il-ballun b’idu fil-kaxxa fuq il-kross ta’ Kieran Trippier u bil-fawl ikun ikkonfermat mill-VAR.
Intant, dan id-dro hu l-ħames wieħed għal Newcastle f’dan l-istaġun u meta huma jinsabu fl-għaxar post tal-klassifika. Fl-istess ħin, Bournemouth, li jidhru li qed jirkupraw wara l-massakru ta’ 0-9 għand Liverpool, jinsabu t-tnax, bl-istess punteġġ bħall-Geordies (iżda b’differenza ta’ gowls inferjuri. Hu minnu wkoll li fiż-żmien li ilhom taħt it-tmexxija tal-caretaker manager Gary O’Neil, iċ-Cherries ħadu ħames punti mill-aħħar tliet logħbiet fil-kampjonat.
//= $special ?>