Futbol Sport

Premier League Ingliż: Tottenham jegħlbu lil Leicester City bi skor tennistiku…Dubji kbar dwar il-futur ta’ Brendan Rodgers

Il-futur ta’ Brendan Rodgers bħala manager ta’ Leicester City qed jidher ferm dubjuż wara li l-Foxes – li jinsabu l-aħħar fil-Premier League b’punt wieħed biss – spiċċaw umiljati minn Tottenham Hotspur bl-iskor tennistiku ta’ 6-2.

Għall-kuntrarju dan qed jidher li se jkun staġun interessanti ħafna għal Spurs li, b’din ir-rebħa, laħqu lil-liders Man City fuq 18-il punt iżda b’differenza ta’ gowls inferjuri.

L-istilla tal-logħba f’The New White Hart Lane kien bla dubju l-attakkant Korean Son Heung-min li rritorna fit-tim u  skorja l-ewwel gowls tiegħu tal-istaġun wara li kien naqas milli jimpressjona fil-bidu tal-kampjonat.

Kienu fil-fatt Leicester li marru fil-vantaġġ minn penalty skurjat minn Youri Tielemans (6) iżda Spurs – u partikularment Harry Kane — kienu jafu kif japprofittaw mill-fraġilità difensiva tal-Foxes, b’Kane (8) u Eric Dier (21) jaqilbu r-riżultat b’żewġ headers preċiżi.

Intant Leicester kisbu d-dro bil-finish stupend ta’’ James Maddison (41) iżda fit-tieni taqsima kien hemm biss tim wieħed fil-grawnd bi Spurs jiskurjaw erba’ oħra mingħajr risposta.

Żewġ minuti biss wara l-mistrieħ, Rodrigo Betancur approfitta mill-iżball ta’ Wilfried Ndidi biex jirristawra l-vantaġġ għal Spurs u minn dak il-ħin kien imiss is-super-show ta’ Son li beda juri logħob irresistibbli li wassal għall-hat-trick personali fi spazju ta’ tlettax-il minuta (73, 84 u 86) u għal rebħa memorabbli għat-tim ta’ Antonio Conte.