Kultura Lokali

Rekord nazzjonali ġdid fis-Siġġiewi

Il-mixegħla tant popolari li tittella' fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi, se tkun qed tirritorna b’edizzjoni speċjali

Bħala parti mill-attivitajiet ta’ Festa Għeneb nhar il-Ħadd 18 ta’ Settembru, il-qalba ta dan il-villaġġ pittoresk se tkun imdawla b’mixegħla sublimi. Dan l-ispettaklu, se jkun organizzat mill-Grupp tal-Armar 6 ta’ Diċembru b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Il-mixegħla artistika se tintiseġ b’aktar minn 1900 fjakkola. Dawn se jkunu metikolożikament imqiegħda fil-pjazza u fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali sabiex jiffurmaw disinn artistiku, li se jkun jista’ jiġi imgawdi dakinhar.

Għall-aktar minn ħmistax-il sena, din il-fjakkolata ikonika ġiet stabbilita bħala appuntament fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira marbut ma’ din il-lokalità. Eluf ta’ Maltin u turisti jattendu din il-mixegħla annwali, hekk kif il-pajjiż jidħol fil-ambjent ta’ Ħamis ix-Xirka. Madanakollu, din l-edizzjoni speċjali se tkun ippreżentata f’ambjent ferm aktar feliċi. Fl-istess pjazza se jkunu qed jittellgħu varjetà ta’ esebizzjonijiet bħala parti minn Festa Għeneb. Dawn jinkludu wirja ta’ karozzi klassiċi, xogħol ta’ artiġjanat, għana Maltija u mużika.

Il-preparamenti għal dan l-avveniment issa resqin lejn l-aħħar fażijiet tagħhom. Madanakollu, l-ispettaklu ta’ nhar l-Ħadd hu frott ta’ xhur sħaħ ta’ ppjanar, disinni u xogħol mill-voluntiera ħabrieka tal-Grupp tal-Armar 6 ta’ Diċembru. Dawn l-1900 fjakkola ġew maħduma individwalment u ħadu mijiet ta’ sigħat ta’ xogħol bl-idejn, b’ħafna dedikazzjoni.

Din se tkun l-akbar mixegħla b’disinn li ttellgħet fil-gżejjer Maltin. Il-mixegħla se tinxtegħel ma’ nżul ix-xemx u se tkun ċertifikata mill-Malta Records.