Lokali

“Tkomplux b’din il-politika inumana u brutali li biha qegħdin isofru l-iktar nies vulnerabbli” – Graffiti

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, l-Arċisqof Charles J Scicluna, l-Imam u Peppi Azzopardi kienu fost dawk li l-Ġimgħa filgħaxija inqagħdu mal-Moviment Graffiti f’vġili biex ifakkru t-traġedja tal-mewt taċ-ċkejkna Loujin… tifla Sirjana ta’ 4 snin li mietet bil-għatx.

Wara gimgħa bejn sema u ilma, u bosta talbiet għall-għajnuna, fis-6 ta’ Settembru l-Forzi Armati ordnaw vapur tal-merkanzija, il-BBC Pearl, biex jagħmel operazzjoni ta’ salvataġġ li wasal tard wisq.

Loujin kienet mitlufa minn sensiha meta tellgħuha fuq il-vapur u mietet ftit wara, bl-aħħar kelmiet tagħha jkunu, “Ma, għandi l-għatx”.

Waqt il-protesta, Graffiti qalu li l-mewt tagħha kienet prevedibbli u setgħet ġiet evitata, u bħal Loujin hawn ħafna oħrajn.

Huma qed jitolbu lill-Gvern Malti biex ma jkomplix b’din il-politika inumana u brutali li biha qegħdin isofru l-iktar nies vulnerabbli… politika li tiċħad id-dritt għall-ażil u biex ma jibqgħux jagħmlu lill-poplu Malti kompliċi f’din il-politika qattiela u kiefra ta’ abbandun. Għall-kuntrarju, qed jitolbu biex il-Gvern juri solidarjetà u rispett ġenwin lejn il-ħajja ta’ kull persuna. 

Intant bħalissa fl-istpar Mater Dei hemm tifla li tinsab tiġġieled għal ħajjitha wara li belgħet ammont ta’ ilma baħar. It-tifla kienet salvata minn fuq dgħajsa l-Ħadd li għadda u l-kundizzjoni tagħha jidher li għadha waħda kritika.