Arsenal mill-ġdid huma l-liders tal-Premier League Ingliż wara li għelbu lil Brentford 3-0 fi sfida oħra bejn il-klabbs ta’ Londra. Ir-rebħa kienet risposta tajba għad-disfatta tal-Gunners ma’ Manchester United aktar kmieni fix-xahar u meta huma iddominaw il-logħba fil-Community Stadium u bħalma jindika l-iskor finali kontra l-avversarji li rari daħlu fil-logħba. Intant, Arsenal qed jillidjaw il-klassifika bi 18-il punt – wieħed aktar mill-eqreb rivali li huma ċ-Champions Ingliżi, Manchester City u Tottenham Hotspur. U fil-jiem li ġejjin, l-għajnejn kollha se jduru lejn id-derby ta’ Londra bejn il-Gunners u Spurs li se tintlagħab fl-Emirates Stadium fl-Ewwel ta’ Ottubru.
Id-difensur Franċiż William Saliba (17) poġġa lil Arsenal fit-triq tar-rebħa meta indirizza bir-ras għal ġewwa fuq il-kross ta’ Bukayo Saka – u bil-ballun jispiċċa fix-xibka wara li laqat mal-mimduda. L-iskor sar 2-0 qabel in-nofs-siegħa meta l-attakkant Brażiljan Gabriel Jesus (28)mill-ġdid għeleb lill-gowlkiper Raya fuq l-assist ta’ Granit Xhaka. Fit-tieni taqsima, Arsenal komplew fejn ħallew, b’Fabio Vieira (49) jissiġġilla r-rebħa kbira bl-ewwel gowl tiegħu għall-klabb mindu ngħaqad mal-Gunners minn mat-tim Portugiż, Porto. Min-naħa tagħhom, il-Bees rari wettqu reazzjoni, bl-attakkant prolifiku Ivan Toney ikollu ħarġa relattivament kwieta u fejn kien imrażżan sew mid=difensuri tal-Gunners. Fl-aħħar ħinijiet, Ethan Nwaneri sar l-iżgħar plejer li qatt iddebutta fil-Premier League Ingliż meta fit-92 minuta issostitwixxa lil Fabio Vieira fl-età ta’ 15-il sena u 181 ġurnata.
Everton kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun f’Goodison Park għall-ispejjeż ta’ West Ham United biex b’hekk telgħu fit-tlettax-il post tal-klassifika tal-Premier League. Il-gowl importanti f’din ir-rebħa ta’ 1-0 wasal mill-eks-attakkant ta’ Brighton, Neal Maupay u meta t-Toffees, issa, ilhom ħames ħarġiet mingħajr telfa wara bidu tal-istaġun kemmxejn diżastruż. Il-mument deċiżiv tal-logħba wasal kmieni fit-tieni taqsima meta Maupay – li ngħaqad ma’ Everton fis-sajf għas-somma ta’ 15-il miljun Sterlina – irċieva mingħand Alex Iwobi qabel għeleb lill-gowlkiper Lukasz Fabianksi b’xutt li ma jaħfirx. Intant, West Ham komplew bil-problemi kbar fuq quddiem u meta huma rnexxielhom jiskurjaw tliet gowls biss fil-league mill-bidu tal-istaġun.
L-aħjar opportunitajiet għall-Hammers – li jinsabu t-tielet mill-aħħar – spiċċaw għand Michail Antonio li minn pożizzjoni tajba indirizza ballun faċli lejn il-gowlkiper Asmir Begovic, waqt li Said Benrahma’ ra t-tentattiv tiegħu jaħbat ma’ sieq il-lasta. Intant, ir-rekord negattiv ta’ ħames telfiet minn seba’ konfronti bir-raġun qiegħed iħasseb lill-manager ta’ West Ham, David Moyes – u bil-Hammers, issa, qed iħarsu ‘il quddiem għall-konfront ma’ Wolves, fl–Ewwel ta’ Ottubru.
PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa: Aston Villa v Southampton 1-0, Nott. Forest v Fulham 2-3 Ilbieraħ: Wolves v Man City 0-3, Brighton v C’Palace posp., Newcastle v B’Mouth 1-1, Tottenham v Leicester 6-2 Illum: Brentford v Arsenal 0-3, Chelsea v Liverpool posp., Man Utd v Leeds p osp. Everton v West Ham 1-0
//= $special ?>