Internazzjonali

Il-Ġappun: Mijiet tal-eluf evakwati fost l-avvanzi tat-tifun

Il-Ġappun intlaqat minn wieħed mill-aktar tifuni b’saħħithom fl-istorja u li qed jiġġenera rwiefen b’veloċità ta’ mill-anqas 180 kilometru fis-siegħa.

It-tifun qed javvanza mill-gżira ta’ Kyushu lejn iċ-ċentru tal-pajjiż u meta anki mistenni jolqot il-kapitali Tokjo fis-sigħat li ġejjin.

It-tifun imlaqqam Nanmadol anki qed jikkaġuna ħalbiet kbar tax-xita, bl-awtoritajiet Ġappuniżi joħorġu direttivi għall-evakwazzjonijiet mid-djar u b’effett immedjat għal xi erba’ miljun persuna.

Dan meta l-awtoritajiet meteoroloġiċi qed jistennew anki l-għargħar estensiv u l-valangi tal-art — b’mijiet ta’ titjiriet ma jsirux filwaqt li waqfu s-servizzi bil-ferries u l-bullet trains.

Hemm anki twissijiet dwar irwiefen qawwijin biżżejjed biex jeqirdu numru ta’ djar qalb ir-rotta diretta tat-tifun.

Fil-gżira ta’ Kyushu qed jgħixu aktar minn 13-il miljun persuna u b’din il-gżira, issa, titpoġġa taħt stat ta’ allert speċjali u li hu wkoll l-ewwel allert ta’ dan it-tip li qed ikun infurzat barra l-Prefettura ta’ Okinawa, li tikkonsisti minn grupp ta’ gżejjer remoti fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.