Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Kollox lest għall-funeral Statali tar-Reġina Eliżabetta…Jum ieħor impenjattiv għar-Re Karlu

Il-mexxejja tad-dinja, inklużi kapijiet tal-monarkija u distinti barranin oħra qed jaslu f’Londra biex jattendu għall-funeral statali tar-Reġina Eliżebetta li se jsir għada f’Londra.

L-avveniment, bla dubju, se jkun l-attrazzjoni prinċipali anki għal għexieren ta’ miljuni minn madwar id-dinja li se jkunu qed jassistu għax-xandiriet u l-live feeds ta’ din l-aħħar fażi taċ-ċerimonji funebri f’Westminster.

Dan waqt li l-Gvern Britanniku kkonferma li l-funeral tar-Reġina, li mietet f’Balmoral, fl-Iskozja, fl-età ta’ 96 sena, se jixxandar madwar ir-Renju Unit – permezz tas-swali taċ-ċinema u fuq il-big screens fil-pjazzez tal-ibliet u l-parks pubbliċi.

Għal dawn il-ġranet, f’Londra, baqgħu jinġemgħu s-sriebet twal tan-nies li riedu jimxu minn qrib it-tebut tar-Reġina f’Westminster Hall biex jagħtuha l-aħħar tisima.

Il-pubbliku se jkun jista’ jara t-tebut sa kmieni dalgħodu u meta llum kellha tittieħed deċiżjoni biex il-kju tan-nies ikun illimitat, dejjem bil-ħsieb li n-nies li kien hemm f’Londra fl-aħħar sigħat ikollhom iċ-ċans li jsellmu lir-Reġina f’Westminster Hall.

L-akbar folol, jinsabu fiz-zona ta’ Southwark Park, bir-rotta twassalhom tul ix-Xmara Thames u lejn Tower Bridge li jgħaqqad iz-zoni ta’ Lambeth ma’ Westminster.

Il-ġurnata ta’ qabel il-funeral hi anki impenjattiva għar-Re Karlu III li fl-aħħar sigħat iltaqa’ ma’ numru ta’ Prim Ministri li kienu jinkludu l-Prim Ministru tar-Renju Unit , Liz Truss.

Il-laqgħat saru f’Buckingham Palace fejn ir-Reġina Eliżabetta kienet tilqa’ lill-aktar viżitaturi distinti tul is-70 sena li rrenjat fir-Renju Unit.

Ir-Re Karlu qed iltaqa’ anki mal-Mexxejja ta’ xi Stati tal-Commonwealth qabel hu u Camilla, il-Queen Consort, jattendu riċeviment speċjali fil-Palazz li qed ikun organizzat għall-Kapijiet tal-Istat barranin u mistednin importanti oħra.

Sadanittant, il-Prinċep Andrew, li hu t-tieni wild tar-Reġina u li fl-aħħar xhur kien marbut ma’ skandlu dwar aggrediment sesswali li kissirlu r-reputazzjoni bħala membru tal-Familja Rjali, ħareġ stqarrija ta’ apprezzament u qima lill-ommu.

Il-Prinċep, fost oħrajn, kiteb li l-familja tiegħu u l-poplu Britanniku japprezzaw kemm kienu uniċi s-sens tad-devozzjoni u s-servizz personali tar-Reġina li fissirhom bħala kwalitajiet li kienu garanzija għall-poplu tul is-70 sena tar-renju tagħha.

Fi żviluppi oħra, it-Transport for London – entità tal-Gvern responsabbli mit-trasport pubbliku fil-kapitali – qed tistenna l-preżenza ta’ mill-anqas miljun ruħ addizzjonali f’Londra għal waqt il-funeral tar-Reġina.

Dan fost stennija għal wieħed mill-aktar programmi intensivi relatati mat-trasport fil-kapitali Britannika – bl-entità tikkonferma mal-250 servizz bil-ferrovija addizzjonali, fosthom servizzi bl-overnight trains.