Internazzjonali

“Ir-Russi jridu jwieġbu għar-reati tal-gwerra” — L-Unjoni Ewropea

Il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea sejħet għat-twaqqif ta’ tribunal internazzjonali biex jipproċessa ‘ir-reati ta’ aggressjoni’ mir-Russja fuq il-poplu tal-Ukrajna.

It-tribunal, jekk jitwaqqaf, għandu jipproċessa l-massakri taċ-ċivili Ukreni taħt idejn r-Russi u forom oħra ta’ reati tal-gwerra marbuta mal-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata tal-President Russu Vladimir Putin.

Is-sejħa ngħatat mir-Repubblika Ċeka li attwalment għandha l-Presidenza tal-Unjoni u wara s-sejba, f’dawn il-jiem, ta’ mijiet ta’ oqbra fil-belt ta’ Izyum, fir-reġjun ta’ Kharkiv, u li ftit ilu kienet illiberata mill-okkupazzjoni tar-Russi.

L-oqbra huma kważi kollha ta’ ċivili, fosthom nisa u tfal, li spiċċaw maqtula brutalment mill-qawwiet Russi, Dan waqt li l-Ministru Ċek għall-Affarijiet Barranin, Jan Lipavsky, qal li pajjiżu qed jesiġi biex issir il-ġustizzja mal-kriminali tal-gwerra kollha.

L-Ukrajna temmen li t-truppi Russi f’Izyum fl-ebda ħin ma żammew lura mir-reati tal-gwerra u meta s’issa ttellgħu tal-anqas 60 katavru minn qalb l-artijiet ta’ foresta (fit-tarf tal-belt) fejn hemm ammont kbir tal-oqbra. L-UE, issa, stqarret li attakki bħal dawn kontra popolazzjonijiet ċivili ma għandhom ikunu qatt aċċettati mill-komunità internazzjonali u irrispettivament miċ-ċirkustanzi.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-investigaturi sabu aktar provi li l-vittmi f’Izyum kienu suġġetti għat-tortura qabel inqatlu. Dan meta nstabu diġà għaxar kmamar tat-tortura fl-ibliet u l-villaġġi liberati ta’ Kharkiv, b’Zelensky jinsisti li r-Russi jridu jwieġbu għal dan ‘fuq il-kamp tal-battalja kif ukoll fil-Qorti’.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, diġà esprimiet ix-xewqa li Vladimir Putin jispiċċa taħt proċess mill-Qorti Kriminali Internazzjonali b’konnessjoni mar-reati tal-gwerra fl-Ukrajna.

Min-naħa tagħha, ir-Russja baqgħet ma kkummentatx dwar l-oqbra tal-massa li kienu żvelati f’Izyum u meta ilha mill-bidu tal-gwerra tiċħad li qed timmira għaċ-ċivili f’din il-gwerra.