Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li gidem widnet impjegat ta’ ħanut

Raġel baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li pprova jisraq bott kafè minn stabbiliment tal-ikel, li weġġa gravement impjegat li kien fil-ħanut kif ukoll li kien involut f’argument ma’ xufier ta’ xarabank.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa, 16 ta’ Settembru, meta kien involut fl-argument max-xufier fil-Furjana..fejn allegatament l-akkużat faqa t-tieqa tan-naħa tax-xufier bil-konsegwenza li dan tal-aħħar indarab ħafif.

Fil-Qorti instema’ wkoll li ftit qabel l-akkużat pprova jisraq minn ħanut tal-ikel fil-Gżira…u meta kien imwaqqaf mill-kaxxier, huwa gidimlu widnejh.

Intant id-difiża saħqet li l-imputat isofri minn problemi ta’ saħħa mentali u ġie mitlub biex ismu ma jixxandarx. Dan filwaqt li ġie mitlub biex jingħata l-ħelsien mill-arrest ħalli jkompli jingħata l-kura fl-Isptar Monte Karmeli.

Dan filwaqt li nstema’ kif l-akkużat spiċċa mingħajr xogħol u m’għandux saqaf fuq rasu. 

Filwaqt li l-akkużat wieġeb mhux ħati, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Dan filwaqt li saret rakkomandazzjoni lill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex isir eżami fuq il-kundizzjoni medika tal-individwu. Ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti.