Hekk kif resqin lejn il-bidu ta’ skeda gdida, xejn mhi sabiha s-sitwazzjoni finanzjarja tal-media Laburista. Bit-Times tirrapporta li l-kumpanija One ghandha dejn ta’ madwar 7 miljun ewro – sitwazzjoni li tefghet pressjoni kbira fuq il-ħaddiema, u kixfet il-qasma li hemm bejn Robert Abela u Jason Micallef; tant li l-Mexxej Laburista ordna li ssir investigazzjoni.
Fl-aħħar jiem – permezz ta’ messaġġ fuq Facebook – iċ-Chairman tal-media Laburista Jason Micallef stqarr li hu dejjem aġixxa b’korrettezza.
F’messaġġ mhux daqstant sottili, Jason Micallef fakkar kif hu għamel seba’ snin Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista… u wara… 12-il sena oħra jmexxi l-istazjon tal-Labour. U sostna li tul dawn is-snin… u anke tul is-snin li għamel jokkupa karigi pubbliċi… qatt ħadd ma akkużah bi skorrettezza, u jgħid li qatt ma stenna grazzi ta’ dan kollu.
Iżda l-eks Segretarju Ġenerali tal-Labour imbagħad jinsinwa li issa qed jitwarrab bi skopijiet preċiżi.
Micallef kiteb hekk: “…meta il-korrettezza tigi mminata ghal skopijiet ulterjuri, inkluz bhala tpattija, u jintuzaw mekkanizmi u individwi dubjuzi bil-provi, hemmhekk imbaghad tinholoq problema kbira li timmerita konfront”.
Mhux sigriet li Micallef kien qrib ferm ta’ Joseph Muscat… tant li f’Jannar, meta l-Pulizija għamlu tfittxija fid-dar tal-eks Prim Minsitru b’rabta mal-iskandlu Vitals…. Micallef ried iniżżel in-nies fit-toroq.
Issa, Abela qed idawwar il-kanuni lejn Jason Micallef…bil-Prim Ministru jordna li jkun hemm investigazzjoni fuq il-mod kif hu qed imexxi l-media, u ghaliex il-One spicca f’sitwazzjoni ta’ dejn illi jammonta għal 7 miljun ewro.
Biex ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita, Abela għażel li fit-tim li se jinvestiga l-operat tal-One – dejjem skont it-Times – ipoġġi lill-eks Kap Eżekuttiv James Piscopo, u lill-eks chairperson tal-AirMalta Maria Micallef.
L-istess rapport jindika li Robert Abela mhux iwarrab l-idea li jkun hemm realtà ġdida wara s-Super One, hekk kif id-djun qed ikomplu jisparaw ‘il fuq.
//= $special ?>