Lokali

Żvilupp massiv fil-lokalità ta’ Santa Luċija

Fil-ġranet li għaddew, ġie propost żvilupp massiv ta’ 5 sulari  f’wieħed mill-ftit spazji ħodor li baqa’ f’Santa Luċija; proġett li jinkludi 48 appartament u 75 garaxx.

L-iżvilupp qed jiġi propost fuq 1,200 metru kwadru ta’ spazju miftuħ tul Triq l-Istefanotis u Triq Katerina Vitale fil-qalba tal-lokalità u propju 80 metru bogħod mill-iskola sekondarja.

Ironikament, il-moħħ wara dan l-iżvilupp deskritt bħala massiċċ mhu ħadd ħlief il-Perit Daniel Micallef, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, l-istess partit li wieghed li Gvern Laburista, se jinvesti €700 miljun fi spazji ħodor – €100 miljun fis-sena għal proġetti ambjentali.

Meta Net News tkellem ma’ Mark Anthony Sammut, id-deputat tal-Partit Nazzjonalista, hu qalilna li Santa Luċija huwa wieħed mill-ftit irħula li ġie disinjat b’mod ħolistiku, żamm karattru b’żoni differenti għal djar u għal appartamenti, b’densità bilanċjata u bi spazji miftuħa.

Hu spjegalna li originarjament il-pjan lokali għal din iż-żona kien jinkludi żvilupp ta’ tliet sulari … iżda issa d-deputat mexxej tal-Labour, il-Perit Daniel Micallef, qed jipproponi “żvilupp massiv li se jeqred il-karattru ta’ dan ir-raħal, filwaqt li se jżid id-densità ta’ popolazzjoni f’zona żgħira għal ĦAMES darbiet aktar mid-densità medja fil-madwar, bil-problemi kollha ta’ traffiku u infrastruttura li tali żieda toħloq. Dan, “se jeqred għal kollox l-idea ta’ pjanar f’wieħed mill-ftit irħula fejn din irnexxiet.”

Diversi NGOs, residenti u saħansitra anka l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija qed joġġezzjonaw għal dan  l-iżvilupp massiv f’Santa Luċija, għaliex ma jirrispettax il-karatteristiċi taż-żona. Iżda, l-Plannig Authority xorta waħda qed tikkunsidra l-applikazzjoni għal dan żvilupp.

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut tenna li l-istess deputat Mexxej tal-Partit Laburista “filgħaxija jwegħedna l-ħolqien ta’ spazji ħodor f’nofs l-irħula tagħna, u filgħodu jimla l-applikazzjonijiet biex dawn jeqridhom”. Minn naħa tiegħu, Liam Sciberras, Kunsillier Lokali tal-PN f’Santa Lucija spjega ma’ Net News ghaliex in-nies qed jilmentaw. U saqsa… kif il-partit tieghek min naha jista’ jwieghed weghda elettorali importanti tal green lung spaces li tiswa 700 miljun ewro u min naha l ohra, tibni mostru fl unika ghalqa li baqà Santa Luċija .. minflok inti bhala vici kap, tippuxja li ssir open space?” U qal li se jibqa’ jahdem biex jiddefendi l-interessi tar-residenti kollha ta’ Santa Lucija.