Lokali

Anzjana ta’ 82 sena tintlaqat minn karozza

Anzjana ta’ 82 sena residenti l-Ħamrun intlaqtet minn karozza misjuqa minn mara ta’ 39 sena.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7:00am fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. Il-Pulizija kienu nfurmati bl-inċident u marru immedjatament fil-post.

Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li l-anzjana ta’ 82 sena sofriet xi ġrieħi wara li ntlaqtet minn vettura tal-għamla Jeep Wrangler li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 39 sena. Iż-żewġ persuni huma t-tnejn residenti l-Ħamrun stess.

Tim mediku mar fuq il-post u assista lill-vittma hekk kif ttieħedet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġiet ċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.