Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Tobias Foss jirbaħ il-midalja tad-deheb fl-Awstralja

(Ritratt: EPA)

In-Norveġiż Tobias Foss rebaħ b’sorpriża t-time trial fil-Kampjonati tad-Dinja tat-triq li qed isiru f’Wollongong fl-Awstralja . Sprint kontinwu ta’ Foss kien kruċjali hekk kif għeleb lill-Iżvizzeru Stefan Kung b’2.95 sekondi. Stefan Kung deher fi triqtu biex jisfida ħu lil Foss hekk kif huwa mexxa bi 12-il sekonda mill-aħħar checkpoint, iżda ma setax jaqbel mal-finitura tan-Norveġiż. Korsa teknika mal-kosta ta’ New South Wales fejn il-favorit Filippo Ganna tal-Italja, li pprova jirbaħ it-tielet titlu konsekuttiv temm fis-seba’ post.

Il-Belġjan Remco Evenepoel, li rebaħ il-Vuelta a Espana fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, spiċċa fit-tielet post, u żied mal-fidda u l-bronż li kiseb fil-Kampjonati tad-Dinja tal-2019 u l-2021. Il-Britanniku Ethan Hayter kellu jbiddel ir-roti wara problema mekkanika fit-traġitt, u spiċċa kważi 36 sekonda wara r-rebbieħ u 30 sekonda mill-podju.

Fit-tellieqa tan-nisa, Ellen van Dijk tal-Olanda ddefendiet it-titlu tagħha. Van Dijk ta’ 35 sena spiċċat qabel l-Awstraljana Grace Brown u ċ-champion tal-Ewropa Marlen Reusser tal-Isvizzera. Kien hemm diżappunt għall-kompatrijott ta’ Van Dijk , Annemiek van Vleuten, hekk kif ic-champion Olimpiku temmet fis-seba’ post.