Futbol Sport

Ethan Nwaneri jsir l-iżgħar plejer li qatt lagħab fil-Premier League

Iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena Ethan Nwaneri kiteb l-istorja meta hu sar l-iżgħar plejer li lagħab fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Ingliż. Il-midfielder Ingliż twieled f’Marzu tal-2007 u kiser ir-rekord miżmum mill-attakkant ta’ Liverpool Harvey Elliott, li kellu 16-il sena u 30 ġurnata meta ddebbutta għal Liverpool kontra Fulham fl-2019.

Nwaneri għandu 15-il sena u 181 ġurnata biex b’hekk mhux biss huwa l-iżgħar plejer li qatt lagħab għal Arsenal u fil-Premier League, imma anke huwa l-iżgħar plejer li lagħab flogħla diviżjoni fl-Ingilterra. Nwaneri daħal bħala sostitut
fil-ħin mogħti żejjed minflok il-midfielder Portugiż Fabio Vieira, li mmarka d-debutt tiegħu b’gowl fir-rebħa ta’ 3-0 ta’ Arsenal fuq Brentford.

Fil-kummenti wara l-partita l-kowċ Mikel Areta qal li minħabba li t-tim għandu diversi injuries bħalissa, dan ta ċ-ċans
biex jieħdu magħhom diversi plejers żgħażagħ. Hu faħħar lil Nwaneri għall-attitudni tiegħu fiż-żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ li kellu mal-club aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn minkejja l-eta’ żgħira tiegħu, xorta waħda kellu prestazzjonijiet mill-aqwa.

Arteta qal li meta ltaqa’ maż-żagħżugħ u minn dak li sema’ mill-head coach tal-akkademja, Per Mertesacker, hu kien konvint li jekk jiġi ċ-ċans li jilagħabu, hu kien se jieħu dan iċ-ċans.

Nwaneri huwa plejer regolari mat-tim ta’ taħt it-18-il sena u lagħab mat-tim nazzjonali Ingliż ta’ taħt is-16-il sena, meta kellu biss 14-il sena.