Il-Ġappun għadu taħt l-effett ta’ wieħed mill-agħar tifuni fl-istorja, b’disa’ miljuni jkunu avżati biex jabbandunaw djarhom minħabba l-periklu mill-elementi.
Is-super-tifun bl-isem Nanmadol s’issa ħalla numru mhux determinat ta’ mejtin u ‘il fuq minn mitt midruba wara li laqat il-gżira ta’ Kyushu kmieni nhar il-Ħadd. Intant, l-allert għall-pubbliku se jibqa’ effettiv sakemm it-tifun jgħaddi minn fuq il-gżira ewlenija ta’ Honshu matul il-jiem li ġejjin.
Fl-aħħar sigħat, għexieren ta’ eluf ta’ nies kellhom joqgħodu għal sigħat fix-xelters għall-emerġenza, bi kważi 350,000 dar jispiċċaw mingħajr dawl.
Is-servizzi tat-trasport, flimkien mas-servizzi kummerċjali, spiċċaw vittma tal-kaos dovut għat-tifun waqt li l-Ġappuniżi jinsabu lesti għal aktar għargħar estensiv flimkien ma’ valangi tal-art.
Is-super-tifun Nanmadol fl-aħħar sigħat iġġenera anki rwiefen b’veloċità ta’ 234 kilometru fis-siegħa fost it-tbassir li ċerti zoni tal-Ġappun kellhom jaraw sa 400 millimetru xita fi spazju ta’ 124 siegħa.
F’din is-sitwazzjoni perikoluża, tħassru s-servizzi kollha bil-ferries u l-bullet trains, b’mijiet ta’ titjiriet mill-Ġappun jispiċċaw ikkanċellati. Dan waqt li niżlu ħalbiet tax-xita kbar f’Tokjo, bin-network tal-underground ta’ Tozai ikollu jingħalaq minħabba l-għargħar.
Dan ukoll waqt li xmara fl-inħawi ta’ Kyushu faqgħet l-art u bl-għargħar qed jipperikola lill-komunitajiet fil-madwar.
Il-maltemp tat-tifun, ‘il quddiem, hu mbassar li jaqleb lejn il-lvant u jgħaddi minn fuq il-gżira ta’ Honshu qabel ikompli javvanza ‘il barra lejn il-baħar.
//= $special ?>

