Lokali

Il-Gvern ma jiċħadx li se jagħlaq l-AirMalta

L-AirMalta waslet fl-aħħar hekk kif il-problemi fil-finanzi ta’ din il-linja tal-ajru komplew jippersistu. Dan minkejja li sa ftit snin ilu l-Gvern kien qed jgħid li l-kumpanija qed tagħmel profitt.

Fl-editorjal tal-Malta Independent, intqal li l-AirMalta għamlet ħafna għat-turiżmu f’pajjiżna iżda fl-aħħar snin din il-kumpanija kienet qed titlef €40 miljun fis-sena. Dan l-ammont ta’ kull sena jagħmel is-sitwazzjoni ferm aktar diffiċli sabiex din il-kumpanija tkun tista’ tibqa’ topera.

Barra minn hekk, l-editorjal isemmi kif dawk l-impjegati li jirtitaw fl-eta’ ta’ 55 sena qed jibqgħu jitħallsu sakemm jagħlqu 65 sena mill-istess kumpanija.

Minn naħa l-oħra, is-sit The Shift News kien semma’ kif hemm pjan minn naħa tal-Gvern sabiex tingħalaq l-AirMalta u minnflok jkun hemm linja ġdida tal-ajru bl-isem ‘Valletta Air’. Dan il-pjan juri aktar biċ-ċar kemm din il-linja tal-ajru waslet fl-aħħar.

Intant, xhur ilu, l-Gvern talab għal fondi mill-Kummissjoni Ewropea sabiex iservu bħalha kapital għall-AirMalta. Iżda dawn il-fondi qatt ma ġew approvati mill-Kumissjoni għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela ma kkonvinċiex biżejjed lill-Unjoni Ewropea.

L-Independent tistqarr li Malta ma tistax tispiċċa mingħajr linja tal-ajru nazzjonali hekk kif l-AirMalta iġorr 30% tat-turisti u tgħin għall-konnettivita’ ta’ pajjiżna. Linja nazzjonali tal-ajru iżżomm l-interessi ta’ pajjiżna bħalha prijorita’.

Jekk tinfetaħ linja ġdida tal-ajru din għandha bżonn tagħmel profitt iżda barra minn hekk tkun tista żżomm l-interess nazzjonali u l-konnettivita’ ta’ pajjiżna tibqa’ ħajja, itemm jgħid l-editur.