Il-qawwiet tal-Ukrajna qalu li wettqu aktar kisbiet strateġiċi waqt l-offensiva attwali bil-ħsieb li jitfgħu lis-suldati Russi ‘il barra miz-zoni Ukreni li ilhom jokkupaw għal dawn l-aħħar xhur.
Fil-fatt, l-Armata tar-Russja fl-aħħar jiem kellha tirtira kważi għal kollox mir-reġjun Ukren ta’ Kharkiv fost rapporti li l-qawwiet Ukreni, issa, se jikkonċentraw bis-sħiħ fuq ir-reġjun ta’ Luhansk lejn il-lvant tal-Ukrajna.
It-truppi Ukeni qed jgħidu li huma, issa, ħadu kontroll fl-artijiet li jmissu max-Xmara Oskil u li huma wkoll front tal-gwerra importanti lejn il-grigal tal-Ukrajna. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-qawwiet tiegħu beħsiebhom iżidu mal-aħħar suċċessi militari u fejn qegħdin iħejju diġà għall-offensivi li jmiss.
Il-qawwiet ta’ Zelensky fl-aħħar jiem wettqu numru ta’ kontro-offensivi fin-nofsinar u l-lbiċ tal-Ukrajna, iżda huma rreġistraw l-akbar progress fir-reġjun ta’ Kharkiv, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ukrajna.
Fil-fatt, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal lill-istazzjon Amerikan CBS li għalkemm l-Ukrajna qed ikollha tħallas prezz għall-kisbiet militari, aktar ma jgħaddi żmien aktar id-dinja qed tara li l-Armata tar-Russja mgħandhiex il-livell ta’ kompetenza li wieħed seta’ jaħseb qabel faqqgħet il-gwerra tal-Ukrajna.
Dan meta l-qawwiet Ukreni jistgħu jiċċelebraw dalwaqt suċċess militari ieħor f’Luhansk dment li jibqgħu jikkontrollaw iz-zona lejn il-lvant tax-Xmara Oskil. Jidher ukoll li l-pjan militari li jmiss għandu jinvolvi l-liberazzjoni tal-belt ta’ Lyman li ilha minn Mejju f’idejn it-truppi Russi.
Fi żviluppi oħra, ir-Russja kienet akkużata b’li sparat fid-direzzjoni ta’ faċilità nukleari lejn in-nofsinar tal-Ukrajna.
Qed jingħad li missila niżlet xi 300 kilometru biss ‘il bogħod mir-reatturi tat-tieni l-akbar faċilità nukleari fir-reġjun ta’ Mykolayiv u bir-riżultat li kellha tingħalaq parti minn stazzjon għall-enerġija idro-elettrika f’dak il-kumpless.
//= $special ?>

