Internazzjonali

Ir-Renju Unit kollu wieqaf għall-funeral tar-Reġina Eliżabetta

Il-poplu Britanniku qed jagħti l-aħħar tislima lir-Reġina Eliżabetta t-Tieni waqt il-jum proprju tal-funeral statali li attira talanqas miljun viżitatur aktar mis-soltu lejn Londra. Dan minbarra l-għexieren tar-rappreżentanti tal-monarkiji,, il-Prim Ministri u l-Presidenti minn madwr id-dinja li qed jingħaqdu f’turija ta’ rispett globali għar-renju ta’ Eliżabetta.

Ftit tal-minuti ilu, it-tebut tar-Reġina mkeffen fil-bnadar, fosthom irr-Royal Standard, u bil-kuruna imperjali fuqu ddaħħal b’solennita kbira f’Westminster Abbey għall-funeral li għaddej bħalissa fost il-preżenza tar-Re Karlu III, il-membri l-oħrajn tal-Familja Rjali Britannika u d-distinti barranin.

It-tebut twassal f’Westminster Abbey fuq karru tal-kanuni miġbud mill-baħrin tar-Royal Navy, b’mijiet tal-eluf tan-nies joħonqu t-toroq ta’ Londra fejn setgħu jassistu għall-funeral fuq il-big screens li ttellgħu fid-diversi zoni.

Qabel il-funeral, ir-Re Karlu qal li ħassu kommoss ħafna bl-appoġġ tal-pubbliku għalih u għal familtu.

Wara l-funeral f’Westminster Abbey, għandha ssir tieni purċissjoni bit-tebut tar-Reġina u li se tgħaddi minn rotta partikulari, f’Londra, fid-direzzjoni tal-Kastell ta’ Windsor.