Lokali

L-Enemalta tiċħad talba għar-rapport dwar il-windfarms tal-Montenegro

L-Enemalta ċaħdet talba għall-aċċess tar-rapport dwar l-iskandlu tal-windfarms tal-Montenegro… liema talba saret mit-Times of Malta.

Din il-kumpanija tal-eneġrija mmexxija mill-Gvern qalet li r-reviżjoni li kkummissjonat dwar ix-xiri tal-windfarms hija ‘legalment privileġġata’ u għalhekk irrifjutat it-talba li saret skont il-Liġi għal-Libertà ta’ Informazzjoni sabiex tingħata kopja tal-konklużjonijiet.

Fil-liġi ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-liberta tal-informazzjoni, dokumenti li huma kunsidrati bħala ‘legalment privileġġati’ huma eżentati milli jkunu żvelati.

Però, minkejja dan, siltiet mid-deal li kien sar dwar ix-xiri tal-windfarms kienu ppubblikati fl-aħħar rapport finanzjarju tal-Enemalta.

L-avukat Therese Comodini Cachia, f’isem il-ġurnalisti, qalet li dan kollu jikkonferma kemm il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport mhux vera li huwa ‘legalment privileġġat’. Iżda minkejja dan, l-Enemalta xorta waħda ċaħdet it-talba tat-Times.

Skont is-siltiet li kienu ppubblikati fir-rapport finanzjarju…. l-Enemalta kienet konxja li qed tħallas it-tripplu tal-prezz oriġinali għall-ishma tagħha f’wind farm fil-Montenegro. 

Times of Malta u l-aġenzija internazzjonali Reuters kienu żvelaw kif Yorgen Fenech għamel profitt minn dan id-deal permezz tal-kumpanija sigrieta 17 Black.

L-Enemalta xtrat shares fil-Montenegro li swew iktar minn 10 miljun ewro,,, it-triplu li tħallas ġimgħatejn qabel mill-kumpanija Cifidex. Cifidex hija l-kumpanija offshore li biegħet shares lill-Enemalta f’Diċembru tal-2015. Din l-istess kumpanija kienet ta’ Turab Musayev li kien parti mill-bord tal-konsorzju tal-Electrogas… flimkien ma’ Yorgen Fenech.