Lokali Qorti

Mhux ħati li flimkien ma’ oħrajn sawwat raġel u kkaġunalu ġrieħi gravi

Joseph Muscat ta’ 35 sena residenti Birkirkara ma nstabx ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li f’Ġunju tal-2015 flimkien ma’ persuni oħra ta xeba’ lil ċertu Gilmour Cachia fejn spiċċa jsofri minn feriti gravi wara li ġie msawwat. L-allegazzjoni kienet li huwa ssawwat minn Muscat u minn Jordan Azzopardi li spiċċa jsofri minn tbatija fiżika għal tul ħajtu kollha.

Xhud importanti li kien preżenti u involut fil-glieda Jordan Azzopardi, li huwa magħruf mal-Pulizija fuq traffikar ta’ droga fejn huwa ċaħad li Muscat kien involut fil-ġlieda. “Nixtieq ngħid li dak il-ħin kien hemm Joseph u ħabib ieħor ta’ karnaġġon skur li ma nafx eżattament x’jismu minħabba li biss nafu l-ħabs iżda dawn in-nies ma kienux involuti fl-argument,” qal Azzopardi,

Fl-istess rapport hemm il-verżjoni ta’ l-imputat fejn hu stqarr li l-involviment tiegħu kien sabiex jifred lil Gilmore Cachia minn ma’ Jordan Azzopardi li dak il-ħin kienu qed jiġġieldu. “Imbaghad rajt lil Jordan u lil Gilmore jinqabdu f’xulxin u jien mort sabiex inżomm lil Jordan u rajt lil Gilmore jidħol taht Pajero abjad. Wara tlaqna l’hemm.”

Mill-istqarrija ta’ Jordan Azzopardi li saret nhar it-18 ta’ Ġunju 2015 fl-uffiċċju ta’ l-Ispettur, illum Supretendent Trevor Micallef kien żvela r-raġuni għalfejn kellu xi jgħid ma Gilmore Cachia. Fl-istess stqarrija Jordan Azzopardi jeżonera lil imputat u jgħid li hu ma kellux x’jaqsam fix-xeba’ li qala Gilmore Cachia. “…ħareġ Joseph biex iżommni u ħargu n-nies u waqaft.

“L-iswed lanqas biss resaq lejh. Joseph setgħa imbuttana biex jiseparana.” Illi jirriżulta wkoll li Jordan Azzopardi waqt is-smiegħ tal-kawża kien volontarjament ammetta għall-akkużi maħruġa kontrih relatati ma’ dan l-inċident u kienet ingħatat sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati nhar it-30 ta’ Novembru 2021.

Mill-istqarrija ta’ l-imputat spejga li waqt li kien ġewwa l-karozza ta’ Jordan ra lilessl-ist Jordan Azzopardi u Gilmore Cachia jiġġieldu fit-triq. L-imputat ħareġ sabiex jifridhom. “Jiena ħriġt mill-karozza u pruvajt inżomm lil Jordan, dan waqa fuqi u Gilmore daħal taħt Pajero, Jordan qabdu minn siequ u pprova joħorġu minn taħtu u jiena erġajt mort fuq Jordan u ġbittu biex imorru ‘l hemm. Jiena lil Gilmore lanqas biss missejtu u jiena biss ħriġt minn ġol-karozza…”

Il-Qorti qalet li m’hemmx dubju li f’dan il-każ il-parte civile kien spiċċa msawwat serjament u b’mod gravi fil-pubbliku u dan mhuwiex ikkontestat mill-partijiet. Irriżulta wkoll li Jordan Azzopardi kien irreġistra ammissjoni għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-inċident u ngħata sentenza.

Il-kontestazzjoni f’dan il-każ huwa dwar l-involviment ta’ l-imputat, jekk inhu l-każ. Il-vittma Gilmore Cachia itenni li l-imputat kien wiehed mill-persuni li sawwtu. Minn naħa l-oħra l-imputat jinnega li dak kien l-involviment tiegħu u li hu sempliċement ma biex iferraqhom. Jordan Azzopardi jikorrobora dan u fl-istqarrija tiegħu tenna li l-imputat ma kellu ebda sehem fl-inċident u li mar sabiex jifridhom.

Għalhekk irriżulta kunflitt ta’ verżjonijiet li jikkontrastaw b’verżjonijiet differenti. Faċċata b’din is-sitwazzjoni l-Qorti evalwat jekk hemmx xi provi oħra li jistgħu jagħtu piż lejn verżjoni jew oħra. Jirriżulta li meta ġara dan l-inċident kien hemm persuna ta’ karnaġġjon skur preżenti (u li setgħa kien anke involut fis-swat), kif ukoll persuna ohra, jismu Tony.

Din il-persuna kien, mid-dehra preżenti, għaliex, il-vittma stqarr li kien mar jarah. “Jien mort fejn ħabib tiegħi Ta’ Giorni. F’ xi’ħin waqaft fejh.” Madankollu dan il-persuna ma tressaqx il-Qorti sabiex jagħti x-xhieda tiegħu. Il-verżjoni tiegħu setgħet tiġi kkunsidrata bħala verżjoni independenti u setgħet titfa dawl fuq l-inċident kif seħħ.

Madankollu fin-nuqqas li l-prosekuzzjoni ressqet dan ix-xhud, din il-Qorti giet imċaħħda milli jkollha provi oħra li setgħu jiċċaraw jew jistabilixxu l-verżjoni fattwali. Il-Qorti ġiet affrontata b’żewġ verżjoni li jikkuntrastjaw – il-verżjoni tal-vittma li biha jitfa r-responsabilità sħiħa fuq l-imputat, u l-verżjoni ta’ l-imputat li biha jgħid li qatt ma kellu involvivment ikorroborata minn persuna li kien ammetta għall-akkużi relatati ma dan il-każ.

Il-Qorti trid dejjem timxi fuq dak li tipprovdi l-liġi bhala l-grad tal-prova. Il-prosekuzzjoni trid dejjem tipprova sal-grad rikjest mil-liġi kemm l-element materjali kif ukoll dak formali tar-reati in eżami. Dan ma jfissirx li l-prosekuzzjoni għandha tipprova l-elementi kostituttivi tar-reati mertu tal-imputazzjoni sal-grad taċ-ċertezza assoluta, iżda dejjem sal-grad lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Wara li l-Qorti għarblet il-provi kollha mressqa, tqis li mill-provi kif miġbura u mressqa quddiemha tqis li l-provi tal-prosekuzzjoni u x-xhieda tal-prosekuzzjoni, ma rnexxiliex tipprova il-każ tagħha sal-grad rikjest f’proċeduri penali fir-rigward l-akkużi mressaq kontra l-imputat u għalhekk ma sabitux ħati.

.