Rapport: Stewart Said
REPUBBLIKA ĊEKA….. 9
MALTA…………………… 13
(2-3), (1-3), (1-3), (5-4)
Wara t-telfa ta’ 15-9 kontra l-qawwa ta’ Spanja l-Ħadd filgħodu, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena kiseb l-ewwel rebħa fil-grupp kontra r-Repubblika Ċeka, liema rebħa żżid mal-kullana ta’ riżultati pożittivi tal-waterpolo Malti fost l-aqwa 16 tal-Ewropa.
Bis-sitwazzjoni preżenti, Malta mistennija tevita l-aħħar post fil-grupp u għalhekk tassigura tal-anqas post mal-aqwa 12 tal-Ewropa. B’hekk l-aħħar konfront tal-grupp kontra l-Olanda, se jiddetermina min se jispiċċa Grupp A fit-tieni post.
Bidu pożittiv għat-tim Malti b’vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel minuti permezz ta’ Alec Fenech minn man-up, Sam Gialanze minn penalty Jake Bonavia. Iċ-Ċeki naqqsu d-distakk għal 3-2 sa tmiem l-ewwel sessjoni iżda t-tim Malti kompla jikkonsolida l-vantaġġ fit-tieni sessjoni.
Gianni Farrugia u Jake Bonavia kabbru d-distakk għal 5-2 u wara li Filip Dittmer naqqas id-distakk, Jake Cachia żamm il-vantaġġ ta’ tliet gowls bl-aħħar xutt tas-sessjoni.
Iċ-Ċeki kellhom bżonn reazzjoni fit-tielet sessjoni iżda din waslet biss parzjalment għaliex fl-ewwel żewġ okkażjonijiet ta’ superjorità numerika fis-sessjoni, it-tim Malti skorja permezz ta’ Jayden Cutajar u Jake Cachia, bil-captain Bonavia kabbar id-distakk għal ħames gowls.
Il-vantaġġ ta’ 9-4 ta l-opportunità liż-żgħażagħ Maltin biex jikkontrollaw il-logħba. Iċ-Ċeki kellhom biss iċ-ċans li jagħmlu t-telfa ftit rispettabbli, b’Jayden Cutajar jissiġilla r-rebħa ta’ 13-9 lejn it-tmiem.
Repubblika Ċeka: A. Akmalov, K. Chodl, D. Dittmer (2), C. Rames (3), P. Smerda (1), O. Curda (2), D. Scheer, F. Harant (1), B. Stepanek, D. Martinca, I. Schonwalder, S. Vysin, M. Bury
Malta: A. Bugeja, D. Tully, S. Gialanze (2), D. Rizzo, J. Cachia (3), R. Caruana, J. Cutajar (2), M. Castillo, K. Borg, J. Bonavia (3), A. Fenech (1), G. Farrugia (2), M. Bonello du Puis
Referees: Andras Petik (Ungerija), Akif Uz (Turkija)
//= $special ?>