Sport Sport Ieħor

Ċess: David Cilia Vincenti huwa ċ-Champion Nazzjonali

David Cilia Vincenti huwa ċ-champion il-ġdid taċ-ċess f’Malta. L-aħħar li rebaħ dan it-titlu prestiġjuż kien 22 sena ilu fis-sena 2000. Cilia Vincenti, li bħalissa jgħix ġewwa New Zealand, kellu jagħmel il-vjaġġ twil lejn Malta darbtejn. Dan sabiex seta’ jieħu sehem fil-kampjonat tal-Candidates u jikkwalifika għas-87 edizzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess. Ix-xahar li għadda Cilia Vincenti pparteċipa wkoll fl-Olimpjadi taċ-Ċess li ġew organizzati f’Chennai ġewwa l-Indja.

Ir-rebbieħ nazzjonali tas-sena li għaddiet Robert Zerafa, kif ukoll Colin Pace li kien ikklassifika fit-tieni post, kienu il-favoriti li jiksbu t-titlu din is-sena. Madankollu, Zerafa sabha ferm diffiċli li jikkumbatti għall-ewwel post, wara sena nieqes mill-logħob mindu rebaħ il-kampjonat nazzjonali. Sa nofs il-kampjonat kien qed jidher ċar li l-ġlieda għat-titlu din is-sena, kienet qed tkun missielta bejn 3 plejers – Pace, Cilia Vincenti u Jake Darmanin (champion fl-2020).

Darmanin kellu bidu tajjeb wara li rnexxielu jikseb 2½ punti mill-ewwel erba’ logħbiet. Fil-ħames round, f’riżultat mhux mistenni, Darmanin tilef kontra Alberto Farah. Għal Farah, dan kien l-ewwel debut tiegħu fil-kampjonat Malti. Darmanin pero irnexxielu jirkupra tajjeb u rebaħ l-erba’ logħbiet ta’ wara.

Peter Sammut Briffa, veteran u rebbieħ tat-titlu nazzjonali fl-1991, 2001 u 2002, kellu kampjonat tajjeb. Sammut Briffa kien strumentali fit-tellieqa għat-titlu, hekk kif irnexxielu jegħleb lil Darmanin fl-aħħar logħba tat-turnew. Huwa ġabar 4½ punti.

It-titlu ġie deċiż propju fil-mumenti finali tal-aħħar logħba tal-Kampjonat. Fl-aħħar round, it-3 plejers Cilia Vincenti, Darmanin u Pace kollha kellhom 6½ punti. Pace kien lest mil-logħob kollu tiegħu, filwaqt li Cilia Vincenti kellu jilgħab kontra Zerafa, u Darmanin kontra Sammut Briffa. Wara 4 sigħat ta’ logħob, Cilia Vincenti rebaħ il-logħba tiegħu. Darmanin li kellu vantaġġ tajjeb matul il-logħba tiegħu, kien ambizzjuż iżżejjed u spiċċa tilef il-materjal. Wara 4 sigħat u nofs ta’ logħob, Darmanin irriżenja. Darmanin ġie kklassifikat fit-tieni post permezz ta’ tie-breaks u awtomatikament ser ikun qed jikkwalifika għall-kampjonat tas-sena d-dieħla.

Jamie Farrugia hija ċ-champion nazzjonali ta’ Malta tan-nisa fejn ħadu sehem wkoll Filipina Thornton, Milena Stagno u Hayley Thornton. Conrad Thake, li kien champion nazzjonali fl-1988, rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-Veterani.

Klassifika Finali: 7½ punti: Cilia Vincenti; 6½ punti: Darmanin, Pace; 4½ punti: Sammut Briffa; 3½ punti: Zerafa; 1½ punti: Farah.