Sport Sport Ieħor

Darts: Riżultati tajba għal Albert u Enrico Scerri fl-Ingilterra

Albert Scerri u ibnu Enrico fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ħadu sehem f’żewġ tournaments fl-Ingilterra fejn kisbu riżultati ferm sodisfaċenti.

Enrico Scerri ħa sehem fil-Classic Tournament u rnexxielu jegħleb lil Stuart Monaghan 3-1 filwaqt li tilef ma’ Paul Toulmin. Min-naħa tiegħu, missieru Albert tilef il-logħba tiegħu kontra Pennel Lloyd 3-0.

Il-Ħadd huma ħadu sehem ukoll fil-British Open fejn Enrico Scerri tilef 3-1 filwaqt li missieru Albert irnexxielu saħansitra jasal sar-raba’ rawnd ta’ din il-kompetizzjoni.

Albert irnexxielu jelimina lil Danny Penny 3-1 fejn saħansitra kiseb medja ta’ 82.83.

Il-plejer veteran Malti kompla jżomm il-konsistenza u rnexxielu joħloq sorpriża hekk kif rebaħ lill-plejer Irlandiż irrankjat fl-ewwel post fid-WDF Neil Duff 3-1. Fit-tielet rawnd hu għeleb lil Frank Manszfeld 4-3 għalkemm ġie eliminat fir-raba’ rawnd.

Din kienet esperjenza ferm importanti għal Albert u Enrico Scerri li komplew iżidu mal-avvenimenti internazzjonali li ħadu sehem fihom fil-passat.