Lokali

Il-kumpanija Teatru Rjal se tiċċelebra t-30 anniversarju b’kunċert mużikali

Il-kumpanija Teatru Rjal waslet għat-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Kienu 30 sena ta’ avvenimenti teatrali ta’ suċċess li matul is-snin paxxew eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin.

Il-kumpanija tibqa’ magħrufa għal bosta rappreżentazzjonijiet versatili, minn kummiedji għal drammi serji, minn kunċerti mużikali bis-sehem ta’ wħud fost l-aqwa kantanti, mużiċisti u żeffiena lokali, għal interpretazzjonijiet stupendi ta’ siltiet minn musicals popolari.

Imma forsi l-aktar magħrufa fl-istorja tal-kumpanija Teatru Rjal hija l-pantomima annwali ta’ żmien il-Milied, pantomima li minn sena għall-oħra tiġbed lejha udjenzi kbar f’numru kbir ta’ rappreżentazzjonijiet. Pantomima bil-Malti li proprju din is-sena se tkun qed tiċċelebra wkoll anniversarju importanti hekk kif waslet fl-20 edizzjoni tagħha.

Imma, kif inhu xieraq, ftit ġimgħat oħra l-kumpanija Teatru Rjal se tkun qed tiċċelebra t-30 anniversarju tagħha bil-kbir b’kunċert mużikali ċelebrattiv bi wħud fost l-aqwa siltiet minn musicals magħrufa, li se jsir fit-teatru tal-Istitut Kattoliku, tant sinonimu ma’ din il-kumpanija, is-Sibt 15 u l-Ħadd 16 ta’ Ottubru.

Protagonisti assoluti f’JUST MUSICALS 30 se jkunu l-vjolinisti ċelebri George Curmi il-Pusè ma’ ibnu Bernard Curmi il-Pusè Jnr flimkien mal-kantanti daqstant ieħor magħrufa Neville Refalo, Mark Tonna, Janvil, Debbie Scerri, Ritienne, Lawrence Gray, Leontine, Alexia, Mariah, Giada u Leah.

B’artisti ta’ dan il-kalibru taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mro Joe Brown, direzzjoni ta’ Ray Abdilla u direzzjoni artistika u produzzjoni ta’ Pawlu Testa, il-kunċert hu garanzija ta’ serata mużikali li ma tintesiex malajr.

Biex iżommu kumpanija pjaċevoli lill-udjenza matul il-kunċert, fuq il-palk se jkun hemm ukoll żewġ ismijiet oħra maħbuba u magħrufa sew mal-udjenza tal-Istitut Kattoliku li matul is-snin taw kontribut kbir lill-kumpanija Teatru Rjal, Hector Bruno u Marica Cassar.

Kelliem għall-kumpanija Teatru Rjal qalilna li minbarra mużika familjari mal-udjenza u arranġamenti mużikali professjonali tal-kanzunetti kollha, il-kunċert se joffri wkoll spettaklu f’dak li huwa dawl, sound, projections professjonali fuq screen kbir, u korjografija adattata għal kull kanzunetta. Insomma, dawk kollha midħla tal-kumpanija Teatru Rjal jafu x’jistgħu jistennew f’okkażjoni speċjali bħal din f’għeluq it-30 sena tal-kumpanija.

Il-booking huwa miftuħ online fuq ktrmalta.com jew fuq il-mobile 99476468 kif ukoll mill-bar tal-Istitut Kattoliku, tel. 99076107 jew 22039508 filgħodu u filgħaxija.