Festi Lokali

Il-PN isellem lil Malta Indipendenti b’serata kommemorattiva fil-Floriana

"L-Indipendenza hi ta' kulħadd; l-Indipendenza m'għandiex kuluri politiċi"

“Is-Saltna tad-Dritt u l-integrità jibqgħu valuri fundamentali li għandna ngħożżu.”

Hekk stqarr Alexander Borg Olivier, it-tifel tal-eks Prim Ministru Malti Ġorġ Borg Olivier, meta indirizza l-attività organizzata mill-PN fil-Floriana fl-okkażjoni tat-58 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

Fid-diskors tiegħu, Borg Olivier stqarr li l-Indipendenza għandha tkun jum ta’ għaqda nazzjonali. U għandu jkun jum illi fih naħsbu fuq kif aħna bħala poplu – illum – qed inħaddnu l-valuri li tatna l-Indipendenza.

Alexander Borg Olivier fakkar kif l-Indipendenza kienet mument li biddlet ir-rotta ta’ pajjiżna.

“Kienet kisba demokratika, u li fetħet it-triq biex bħala poplu niddeċiedu għalina infusna”.

Quddiem dawk preżenti, Borg Olivier spjega kif inbidlet Malta mill-Indipendenza; fl-edukazzjoni, it-turiżmu, is-settur bankarju u aktar. “Bdejna it-triq lejn pajjiż modern”.

Borg Olivier qal tul is-snin, il-poplu wera kemm kien determinat – mixja politika li waslet ukoll għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Hu insista wkoll li l-Indipendenza hi ta’ kulħadd u hi kisba li għandha tgħaqqadna; l-Indipendenza m’għandiex kuluri politiċi.

Qabel Alexander Borg Olivier indirizzat lin-nies preżenti Chayenne Riolo; żagħżugħ li qasmet il-ħsibijiet tagħha dwar it-tifsira ta’ Malta Indipendenti illum il-ġurnata.

Fid-diskors tagħha, hi qalet li l-Indipendenza hi ispirazzjoni u kuraġġ. U semmiet kif pajjiżna issa għandu Maltija tmexxi l-Parlament Ewropew.

“L-Indipendenza hi tal-poplu kollu”, qalet Riolo. “Aħna t-tama ta’ dan il-pajjiż. Aħna l-kuraġġ ta’ dan il-poplu”.

Hi qalet ukoll li l-politika tagħti kuraġġ u tama, u hawn ħafna li jridu jkunu parti mis-soluzzjoni għaliex pajjiżna jixraqlu aħjar – soċjetà fejn il-mara titħallas daqs ir-raġel, u fejn verament jgħodd dak li taf u mhux lil min taf.