Lokali

Il-PN se jiftaħ il-kawża legali biex il-Maltin jieħdu l-flus lura li nsterqulhom mill-kontijiet tad-dawl

Il-Gvern qed jibqa' iwebbes rasu

Il-Partit Nazzjonalista se jiftaħ il-kawża legali biex il-Maltin jieħdu l-flus lura li nsterqulhom mill-kontijiet tad-dawl, minħabba li l-Gvern ghadu qed iwebbes rasu.

Dan intqal mill-Kelliem tal-PN għall-Enerġija u l-Intrapriża, Mark Anthony Sammut u l-Kelliem tal-PN għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura, Ryan Callus wara li kemm l-Awditur Ġenerali u anke l-Qorti kkonfermaw li l-mod li bih qed jinhadmu l-kontijiet hi llegali… u tikser mhux biss il-liġi Maltija iżda wkoll id-Direttivi Ewropej.

Mark Anthony Sammut saħaq li l-Gvern, erba’ snin ilu kien jaf li n-nies qed jinsterqu minħabba li l-kontijiet ma kienux qed jinħadmu fuq konsum annwali. U minkejja wiegħda mill-Gvern li il-flus jingħataw lura, erba’ snin wara l-Maltin għadhom qed jistennew.

Sammut qal li wara stennija għar-reazzjoni tal-Gvern, l-unika tweġiba minn naħa tal-Ministru Miriam Dalli u l-Prim Ministur Robert Abela kienet waħda ċara u tonda – l-ebda riviżjoni mhi se ssir biex il-poplu Malti jitħallas tal-flus misruqa. U kien fid-dawl ta’ dan li se jittieħdu passi fil-Qorti.

Il-PN qed isejjaħ lin-nies biex jingħaqdu magħna biex immorru l-Qorti għal ġlieda legali, bil-Partit se jieħu ħsieb l-ispejjeż legali kollha,” qal Mark Anthony Sammut.

Minn naħa tiegħu, Ryan Callus irrimarka li l-Qorti għarfet li l-mekkaniżmu hu wieħed tajjeb iżda l-mod kif qed jitħaddem hu ħażin.

Il-Gvern diga qal li qatt mhu se jagħti lura l-flus tas-snin li għaddew u hu għalhekk li l-PN qed jgħaqdi d-dmirijiet tiegħu biex jagħti lura lil Maltin u l-Għawdxin dak li nsterqilhom biex il-konsumatur ikollu lil xi ħadd li jiddefendi d-drittijiet tiegħu.

Ryan Callus qal li filwaqt li l-PN se jmur il-Qorti biex jiġġieled f’isem il-poplu Malti, Gvern Laburista qed imur il-Qorti sabiex idawwar sentenza ħalli jmur kontra l-ġid tal-Maltin.

“Il-Qorti kienet ċara – mhux il-liġi trid tinbidel iżda l-mod kif il-mekkaniżmu qed jintuża biex jinħadmu l-kontijiet,” qal Ryan Callus.

Wieħed jista’ juri l-interess tiegħu biex ikun parti minn din il-kawża kollettiva billi jżur id-Dar Ċentrali jew fuq is-sit www.kontijiet.com biex sid il-kont jirreġistra u jissieħeb f’din il-kawża. Bil-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu ħsieb l-ispejjeż legali kollha.