“John kien bniedem li ħadem kemm felaħ sabiex itejjeb is-soċjetà tagħna. Ħadem fis-skiet, mingħajr fanfarunati, fejn filwaqt li dejjem kellu lill-familja tiegħu bħala prijorità xorta waħda ħaseb għall-ħaddieħor…ankè lil dawk imwarrba mis-soċjetà.”
Hekk sostna d-Dumnikan Patri Charles Tabone quddiem folla nies li nġabret fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil John Grech, missier il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li miet il-Ħadd 18 ta’ Settembru fl-età ta’ 90 sena.
Kienu bosta persuni distinti u membri fil-Korpi Kostitwiti li nġabru għall-funeral ta’ John, fejn Patri Tabone insista li sforz iċ-ċirkustanzi tal-ħajja John kellu funeral li verament kien jistħoqlu għal ġid kollu li għamel.

Huwa ddeskrivieh bħala bniedem li wettaq ħafna fejn kien iżur il-morda, jgħin fil-parroċċa, imur iqarben fid-djar kif ukoll iżur lill-priġunieri bħala membru fil-prison fellowship.
Dan filwaqt li kien deskritt bħala bniedem li verament kien xempju tal-istqarrija li l-imħabba taċċetta lil kulħadd kif inhu.
Patri Charles Tabone insista li bl-aġir tiegħu, John immarka lis-soċjetà Maltija bil-ħidma fil-kwiet li wettaq u saħaq li dan il-pajjiż għandu bżonn aktar ċittadini bħali sabiex fuqhom tissejjes is-soċjetà tagħna.

Huwa insista li l-ġid li joħloq pajjiż mhux biss għandu jitqassam ma’ kulħadd materjalment iżda ankè wkoll fil-valuri għaliex fi kliemu – soċjetà li ma tħarissx lejn il-benesseri morali hija bużżieqa tas-sapun li tisfuma fix-xejn.
Patri Charles Tabone temm jgħid li minkejja li John Grech kien bniedem ta’ natura kwieta ħafna, kien raġel ta’ qalb u fidi kbira.
Preżenti għall-funeral kien hemm diversi persuni distinti fosthom il-President tal-Parlament Ewropew, l-Aġent Speaker, Presidenti Emeriti ta’ Malta, eks Prim Ministri u eks Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll Deputati Parlamentari u membri mill-Korpi Kostitwiti.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net News twassal il-kondoljanzi tagħha lill-qraba u l-ħbieb ta’ John Grech.




