Budget 2023 Ekonomija Lokali

Ippreżentati 50 proposta mill-SMEs għat-tnaqqis tal-inflazzjoni f’Malta

Il-Budget ta’ din is-sena se jkun wieħed diffiċli iżda hemm bżonn li jsir pjan serju sabiex jigi assigurat li tonqos l-inflazzjoni u tikber l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dan kien il-messaġġ li twassal mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji waqt li ġew ippreżentati 50 proposta sabiex ikunu implimentati fil-Budget 2023.

Fost il-proposti …hemm ir-riforma fit-taxxi fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi, fosthom it-tnaqqis fil-VAT u t-tneħħija ta’ taxxi tas-SISA, b’mod speċjali dawk fuq prodotti bażiċi.

Numru ta’ proposti oħra jindirizzaw il-problema ta’ nuqqas kbir ta’ impjegati u riżorsi hekk kif in-negozji qed jaffaċjaw sitwazzjoni fejn mhux qed ikollhom biżżejjed impjegati b’min jaħdmu, filwaqt li hemm ħaddiema li għand m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa.

Issemma wkoll kif in-negozji Maltin qed jesperjenzaw kompetizzjoni inġusta u sfidi ta’ importazzjoni, u burokrazjoni kbira, b’mod speċjali meta wieħed jiġi bżonn is-servizzi tal-banek – specjalment minn mindu pajjiżna spiċċa fil-greylisting.

Ma’ Net News, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Agius Mamo qalet li l-proposti kollha ppreżentati jimmiraw biex il-Gvern jegħleb l-inflazzjoni li laħqet livelli essaġerati.

Fost il-proposti li ssemmew kien hemm dawk ta’ skemi t’inċentivi għax-xogħol diġitali u anke skemi oħra biex titjieb il-kwalità tal-ħajja kemm għall-Maltin iżda anke biex nattiraw iktar turisti – xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jappella lill-Gvern dwarha.

Abigail Agius Mamo qalet li dawn il-proposti huma importanti li jiġu implimentati minnufih, sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna terġa’ tirkupra wara d-daqqa tal-pandemija.

Dawn il-proposti ġew imfassla wara li saret kemm konsultazzjoni mal-membri u anke stħarriġ fost in-negozji Maltin. Filwaqt illi intqal li jekk dawn il-proposti ma jittieħdux bis-serjetà, kemm in-negozji Maltin u anke l-konsumatur se jispiċċa jgħix ħajja ferm iktar diffiċli fejn tidħol l-ekonomija.