Futbol Sport

Ir-Russi barra wkoll mill-Euro 2024

Il-UEFA u l-federazzjoni tal-futbol tar-Russja kkonfermaw li r-Russja mhux se tieħu sehem fit-tlugħ tal-poloz għall-kwalifikazzjoni għall-Euro 2024.

It-tim nazzjonali Russu u l-klabbs Russi ġew ipprojbiti minn kompetizzjonijiet internazzjonali aktar kmieni din is-sena mill-UEFA wara l-invażjoni tal-Ukrajna.

It-timijiet Russi bħalissa huma kollha sospiżi wara d-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA tat-28 ta’ Frar 2022 li kompliet ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport fil-15 ta’ Lulju 2022 . Dan kien ikkonfermat fi stqarrija tal-UEFA.

Ir-Russja ressqet appell kontra l-projbizzjoni u kienet miċħuda mill-CAS f’Lulju u bħalissa qed tistenna l-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni tal-CAS, biex wara tiddeċiedi jekk tieħux passi ulterjuri .

Ir-Russi ġew ukoll ipprojbiti mit-Tazza tad-Dinja li jmiss fil-Qatar mill-FIFA fejn it-tim kien oriġinarjament ikkwalifika għall-play-offs ta’ kwalifikazzjoni Ewropej.

It-tim tan-nisa Russi tkeċċa wkoll mill-Euro ta’ din is-sena fl-Ingilterra, b’posthom ittieħed mill-Portugall.