Rapport: Stewart Said
OLANDA……………. 8
MALTA………………. 7
(2-4), (3-1), (2-1), (1-1)
It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena kien qrib li jikseb rebħa storika iżda daqstant ieħor spiċċa ‘l bogħod wara telfa ta’ 8-7 kontra l-Olanda. Sfortunatament, iż-żgħażagħ Maltin ma bnewx fuq il-bidu mill-aqwa li kellhom b’konsegwenza li ntlaħqu u nqabżu mill-avversarji b’distakk minimu. Fatali żgur kien in-nuqqas biex jiġu skorjati sitt man-ups fl-aħħar żewġ sessjonijiet.
B’dan ir-riżultat, it-tim Malti spiċċa fit-tielet post fil-grupp u b’hekk se jilgħab kontra l-Greċja, żgur minn post mal-aqwa 12, klassifikazzjoni li xorta hi pożittiva iżda setgħet kienet aħjar. Ta’ min wieħed ifakkar li ż-żewġ nazzjonijiet iltaqgħu fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew f’April li għadda f’pajjiżna, bl-Olanda kienet rebħet 12-7.
It-tim ta’ Anthony Farrugia kellu bidu mill-aqwa b’doppjetta ta’ Alec Fenech, Matthew Mifsud u Sam Gialanze. Iżda f’sessjoni li dehret kważi perfetta, l-Olanda skorjat darbtejn fl-aħħar perjodu u naqqset l-iżvantaġġ għal 4-2.
Marnick Snel kompla jnaqqas id-distakk għal 4-3. Iżda wara li Matthew Mifsud irdoppja l-vantaġġ tat-tim Malti, l-Olanda rkuprat l-iżvantaġġ sa tmiem it-tieni sessjoni.
It-tim Malti reġa’ kiseb il-vantaġġ fit-tielet sessjoni permezz ta’ Jayden Cutajar sakemm l-Olanda marret għall-ewwel darba minn fuq b’żewġ gowls minn man-up fl-aħħar żewġ minuti tas-sessjoni.
Għall-ewwel darba t-tim Malti kien fi żvantaġġ iżda Matthew Mifsud ġab id-draw b’konklużjoni b’saħħitha fl-ewwel attakk tal-aħħar sessjoni. Madankollu minuta wara Mart van der Weijden skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.
Għalkemm kien għad fadal il-ħin, it-tim Malti ma sabx tal-anqas gowl biex jevita t-telfa, inkluż żewġ okkażjonijiet ta’ superjorità numerika fl-aħħar minuta. Il-logħba ta’ għada tat-tim Malti tibda fl-4.00pm.
Olanda: S. Berkenbosch, S. Meijn, J. Wijgers, M. Snel (2), J. Sjardijn (1), L. Ten Broek (4), M. van der Weijden (1), D. Voorvelt, T. Schouwerwou, M. Reijchard, T. Ketelaars, P. Stevens
Malta: A. Bugeja, D. Tully, S. Gialanze (1), D. Rizzo, J. Cachia, R. Caruana, J. Cutajar (1), M. Castillo (3), M. Mifsud, J. Bonavia, A. Fenech (2), G. Farrugia, M. Bonello du Puis
Referees: Luca Castagnola (Italja), Peter Radic (Slovakkja)
//= $special ?>