“Żagħżugħ bieżel, ferrieħi u b’dik id-daħka partikolari. Kien bieżel iħobb il-ġebel u ‘l hena tiegħu jara x-xogħol għaddej u l-mewt sabitu hemm. Kien l-14 ta’ Settembru 2022 meta ħalla din id-dinja, festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Il-Mulej ukoll ġarrab din it-tbatija u xerred demmu. Huwa salib tqil fejn ħafna jaħsbuh li din hija kundanna, li iżda tfisser salvazzjoni.”
Dan kien il-kliem tar-Reverendu Dun Giovanni Curmi, li jiġi z-ziju ta’ Luca Curmi li miet fl-età tenera ta’ 29 sena fil-Munxar, il-villaġġ ferm għal qalbu. Żagħżugħ li tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ għoli ta’ madwar erba sulari. Luca Curmi kien f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Damasku il-Munxar meta waqa’ għal isfel.
Il-funeral sar fis-santwarju tal-madonna ta’ Pinu fl-Għarb li kien ippakkjat minn familjari u persuni minn kull rokna ta’ Għawdex u numru wkoll ta’ ħbieb tiegħu Maltin li telgħu Għawdex għal tal-apposta għall-funeral. L-inċident traġiku kien seħħ għall-ħabta tal-11.30am, fejn Luca Curmi miet mill-ewwel.
Preżenti għall-funeral kien hemm għadd kbir ta’ żgħażagħ ħbieb ta’ Luca u kif kollegi tiegħu fuq il-post tax-xogħol minn Heritage Malta, li magħha kien jaħdem iż-żagħżugħ, liema aġenzija sellmet lil Curmi li kien impjegat magħha bħala Technician.
Dun Curmi qal li Luca se jibqa’ mfakkar għall-bżulija tiegħu u għall karattru simpatiku li kellu. Qal li bħal kulħadd ma kienx perfett kien kien iħobb lil Alla. Tenna li ħafna qegħdin jistaqsu għaliex miet daqstant ta’ età żgħira b’zijuh jitlob lil Alla biex jieħdu miegħu. Kommoss bħala zija tal-vittma, Dun Curmi spiċċa bil-kliem billi qal: “Luca aħna nħobbuk.
Il-Kunsill Lokali tal-Munxar ukoll sellem il-memorja taż-żagħżugħ tar-raħal li tilef ħajtu, u offra l-kondoljanzi lill-familja Curmi u lil missier Luca, Paul, li huwa eks sindku tal-lokalità tal-Munxar. Fil-funeral spikkaw in-numru kbir ta’ fjuri li waslu minn kullimkien, turija tar-rispett li kien igawdi s-simpatiku Luca.
